Lokali

Awtorità tal-Ambjent dgħajfa quddiem Awtorità tal-Ippjanar b’saħħitha

Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fl-Uffiċċju tal-Ombudsman

L-Awtorità għall-Ambjent hi bla saħħa, bla snien u bla influwenza jekk mhux għalkollox irrilevani għad-deċiżjonijiet fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-Perit David Pace, ikkritika bil-qawwa l-qasma bejn l-Awtorita tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Rizorsi.

Dan sar f’ittra lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli Josè Herrera u lis-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar, Deborah Schembri, li fiha l-Perit David Pace esprima r-riservi serji tiegħu dwar l-effetti negattivi li qed jirriżultaw fuq il-protezzjoni tal-ambjent wara li ġiet fis-seħħ u qed taħdem il-leġiżlazzjoni li waqqfet l-Awtorita tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.

Filwaqt li saħaq fuq l-importanza li l-kunsiderazzjonijiet ambjentali għandu jkollhom l-istess saħħa daqs deċiżjonijiet dwar l-ippjanar, il-Perit David Pace qal li l-esperjenza riċenti tat-twettiq tal-liġijiet fil-prattika juru propju bil-kontra.

Il-Kummissarju għall-Ambjent fl-Uffiċċju tal-Ombudsman qal li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi hi waħda bla saħħa, bla snien u bla influwenza jekk mhux għalkollox irrilevani għad-deċiżjonijiet meħuda fuq l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-Perit Pace sostna li dan apparti l-fatt li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi f’diversi okkażjonijiet tidher li ma kienet xejn effikaċi u lanqas sewwa preparata biex teżerċita b’mod effettiv il-funzjoni anki limitati li fil-fatt għandha.

Il-Kummissarju għall-Ambjent fl-Uffiċċju tal-Ombudsman kompla li l-esperjenza qed turi li l-aspett ambjentali ta’ proġett hu għalkollox sekondarju għall-għoti tal-permess li jista’ jiġi deċiż esklussivament għall-kunsiderazzjonijiet ta’ ppjanar u żvilupp mingħajr l-obbligu fuq l-Awtorità tal-Ippjanar li tikkunsidra bis-serjetà u bir-reqqa l-fehma tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Quddiem dawn id-diffikultajiet, is-sitwazzjoni preżenti hi li min-naħa hemm Awtorità tal-Ippjanar b’saħħitha li tista’ tiddispenza kif trid mill-kunsiderazzjonijiet ambjentali, u min-naħa l-oħra hemm l-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi li hi dgħajfa u li m’għandha l-ebda jedd timponi fuq l-Awtorità tal-Ippjanar biex tisma’ u tqis is-sottomissjonijiet tagħha dwar applikazzjoni.

Il-Kummissarju għall-Ambjent fl-Uffiċċju tal-Ombudsman irrifera għall-kontroversja riċenti dwar il-bini għoli u qal li dan il-każ ikkonferma b’mod ċar dak li kien diġa evidenti fejn anki l-Awtorità kienet ilmentat li l-opinjoni taghha dwar applikazzjonijiet għal żvilupp fuq siti ODZ mhux qed tingħata l-importanza xierqa.

Il-Perit Pace isostni li l-prinċipji li għandhom jirregolaw il-governanza tajba tal-amministrazzjoni pubblika mhumiex qed jiġu rispettati.

Bħala eżempju ta’ dan semma l-fatti li ġraw waqt is-smigħ mill-Bord tal-Ippjanar ta’ applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permessi għall-proġetti ta’ bini għoli f’Tignè.

Il-Kummissarju għall-Ambjent sostna li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qed ikollha tappella biex l-opinjoni tagħha tkun rispettata, għalkemm m’hemmx garanziji li se jirnexxieha. Din l-Awtorita, sostna l-Perit Pace, għandu jkollha l-istess għarfien bil-liġi għad-deċiżjonijiet tagħha.

Il-Perit Pace sostna li l-pjan tal-Gvern li joħoq żewġ awtoritajiert paralelli u tal-istess saħħa mhux jirnexxi. Hu appella biex il-gvern jieħu l-miżuri korrettivi u li jinħoloq bilanċ bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi.