Malta Properties Company p.l.c. (MPC) ħabbret qligħ qabel it-taxxa ta’ €928,358 għas-sitt xhur sat-30 ta’ Ġunju 2016. Dan ifisser żieda ta’ 40 fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Ir-riżultati finanzjarji proviżorji ppubblikati lbieraħ, juru wkoll żieda sinifikanti fil-flus kontanti tal-Grupp minn €118,281 għal €1,490,209, kif ukoll żieda marġinali fid-dħul mill-kirjiet tal-propjetajiet ta’ MPC minn €1,608,500 fl-ewwel sitt xhur tal-2015 għal €1,662,925 fl-istess perjodu f’din is-sena.
Fir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja tagħha li akkumpanjat ir-riżultati proviżorji, MPC indikat li, ‘għal perjodu qasir sa medju, dawn il-livelli ta’ dħul mistennija li jibqgħu stabbli u jiżdiedu gradwalment skont l-inflazzjoni. Dan għaliex MPC għandha fis-seħħ numru ta’ ftehim ta’ kirjiet fit-tul u li jkopru wkoll il-kumpanija minn kwalunkwe inċertezzi ekonomiċi mhux mistennija li jistgħu jseħħu. Il-qligħ operattiv ta’ MPC għall-perjodu tal-ewwel sitt xhur tal-2016 kien ta’ €1,370,713 (2015: €1,587,645).
Iż-żieda sostanzjali fl-ispejjeż amministrattivi kienu riżultat tal-operat indipendenti tal-Grupp wara li saret spin-off minn ma’ GO p.l.c., u minħabba li MPC giet ikkwotata fuq il-Borża ta’ Malta lejn tmiem l-2015.
Il-profitt għall-perjodu naqas minn €1,702,723 għal €551,115, l-aktar minħabba kreditu ta’ taxxa wara tibdil fir-regoli ta’ taxxa fuq il-qligħ kapitali fuq trasferiment ta’ propjetà immobbli fl-2015.
L-interessi fuq is-self, naqsu b’mod konsiderevoli għal €442,355 (2015: €928,571). Dan irriżulta minħabba tnaqqis fis-self minn €49 miljun għal €16 il-miljun lejn l-aħħar tal-2015. Fid-dikjarazzjoni tagħha, il-kumpanija ħabbret li deċiżjoni dwar id-distribuzzjoni tad-dividendi għal 2016 tittieħed fuq il-bażi tar-riżultati ta’ sena sħiħa. Għaldaqstant, ma kienu ddikjarat l-ebda dividendi ma’ dawn ir-riżultati.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ MPC, Nikhil Patil, qal: ‘Għal darb’oħra , dawn ir-riżultati proviżorji qed juru l-pożizzjoni finanzjarja soda ta’ MPC, sostnuta minn numru ta’ ftehim ta’ kirjiet fit-tul fuq diversi propjetajiet. Din l-istabbiltà tfisser li MPC għandha potenzjal għall-progress ulterjuri bl-iżvilupp ta’ tliet siti importanti fil-portafoll tagħha, jiġifieri l-Exchange taż-Żejtun, l-Exchange ta’ Spencer Hill fil-Marsa, u l-Exchange ta’ Birkirkara. It-trasformazzjoni ta’ dawn it-tliet siti f’ċentri tekniċi u kummerċjali ewlenin għandha jkollha impatt pożittiv sinifikanti fuq dħul mill-kirjiet għal MPC mill-2019 ‘il quddiem.’
Iċ-Chairman ta’ MPC, Deepak Padmanabhan, qal: ‘Dan l-ewwel sett ta’ riżultati fuq bażi ta’ sitt xhur maħruġa minn MPC minn mindu ġiet ikkwotata fil-Borża ta’ Malta huma xhieda tal-progress sostenibbli li l-kumpanija qed tagħmel hekk kif qed taħdem biex twettaq l-istrateġija tagħha, jiġifieri li ssir fornitur ewlieni f’Malta ta’ proprjetà immobbli kummerċjali. MPC tibqa’ f’pożizzjoni tajba ferm li tħares lejn il-futur b’ottimiżmu.’
//= $special ?>