Fin-noti ta’ metodoloġija l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ta’ pajjiżna jqis l-Indiċi tal-Produzzjoni Industrijali bħala wieħed mill-iktar kejl importanti tal-attività ekonomika. Ma jistax ikun mod ieħor għax il-produzzjoni industrijali torbot magħha l-esportazzjoni, li tfisser qligħ ta’ munita barranija li tagħmel tajjeb għal dak li nimpurtaw, u eluf ta’ impjiegi.
Il-produzzjoni industrijali ilha taqta’ lura. Dan mhux sinjal sabiħ! Filwaqt li f’Ġunju l-produzzjoni industrijali niżlet b’7.9 fil-mija, kienet diġà niżlet b’4.5 fil-mija fix-xahar ta’ qabel. Hekk il-produzzjoni industrijali ilha sitt xhur sħaħ taqta’ lura. Dan hu r-riżultat ta’ tnaqqis ta’ 18.2 fil-mija f’oġġetti intermedjarji; ta’ tnaqqis ta’ 8 fil-mija f’oġġetti kapitali u ta’ 5.4 fil-mija ta’ oġġetti tal-konsumatur li jservu. Min-naħa l-oħra kien hemm żieda ta’ 3.4 fil-mija fil-produzzjoni tal-enerġija.
L-ekonomija ta’ pajjiżna hi mibnija fuq trepid: manifattura, turiżmu u servizzi finanzjarji. Il-Gvern jiftaħar li kollox sejjer fuq ir-rubini. Hekk nieħdu pjaċir li l-wirt ta’ ekonomija soda li ħalla Gvern Nazzjonalista mhux biss jibqa’ sod iżda jkompli jissoda. Iżda x-xquq fl-ekonomija hemm huma u l-Gvern ma jistax jinjorahom bħallikieku mhu jiġri xejn.
Jekk nieħdu l-esportazzjoni, li wara kollox hi riżultat tal-produzzjoni, insibu li filwaqt li pajjiżna esporta b’kemm jiswew €3,738 miljun fl-2014, is-sena ta’ wara l-esportazzjoni niżlet għal €3,527 miljun – jew b’€211 miljun inqas. Din ma kinitx xi ħaġa ta’ darba għax bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena l-esportazzjoni reġgħet niżlet għal €1,690 miljun minn €1,773 miljun fl-ewwel sitt xhur tal-2015. Din żgur mhix indikazzjoni li kollox sejjer fuq ir-rubini.
Fattur ieħor li tajjeb inżommu quddiem għajnejna hu dak tal-impjiegi għax wara kollox, mira primarja ta’ kull titjib ekonomiku hu li jiżdiedu l-impjiegi. Jekk nieħdu t-tliet setturi ewlenin tal-ekonomija nsibu li bejn l-2014 (medja) u Frar ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 188 impjieg fis-settur tal-manifattura – minn 20,436 għal 20,624. Fis-settur tat-turiżmu, (akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel) iż-żieda kienet ta’ 624 impjieg – minn 10,396 għal 11,020. Fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u attivitajiet ta’ assigurazzjoni, iż-żieda kienet ta’ 767 impjieg – minn 8,092 għal 8,859.
In-numru ta’ dawk jaħdmu bi qligħ full-time fl-istess perijodu kiber minn 170,731 għal 179,711 – żieda ta’ 8,980 impjieg. Jekk nieħdu t-tliet setturi flimkien: manifattura, turiżmu u servizzi finanzjarji nsibu li miż-żieda kollha fl-impjiegi dawn ħadu 1,579 impjieg jew biss 17.6 fil-mija taż-żieda kollha, li 2 fil-mija kienu fil-manifattura; 6.9 fil-mija fit-turiżmu u 8.5 fil-mija fis-servizzi finanzjarji.
Iktar inkwetanti hu l-fatt li bħala parti miż-żieda fl-impjiegi bejn l-2014 u Frar ta’ din is-sena, is-settur tal-manifattura ħa biss 0.9 fil-mija taż-żieda; is-settur tat-turiżmu ħa 6 fil-mija taż-żieda u s-settur tas-servizzi finanzjarji ħa 9.5 fil-mija.
Dawn ir-riżultati m’hemmx dubju li jirriflettu n-nuqqas ta’ attenzjoni li qed jagħti l-Gvern lil dawn is-setturi. Fis-settur tal-manifattura fl-aħħar tliet snin u nofs ma żdied ebda qasam ġdid. Il-Gvern Nazzjonalista meta kien hemm tħassib dwar is-settur tal-manifattuta, ħa passi biex sab niċeċ ġodda għal dan is-settur hekk importanti, bħal farmaċewtika u l-manutenzjoni tal-ajruplani.
L-istess irid jingħad għas-settur tat-turiżmu li qed jikser rekord fuq ieħor. Tisma’ lill-Prim Ministru taħseb li dawn iż-żidiet huma riżultat ta’ xi miżuri li ħa l-Gvern tiegħu. Taħseb li x-xemx telgħet f’Marzu 2013 meta l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni. Xejn iktar ʼil bogħod mill-verità! Iż-żieda hi riżultat ta’ dak kollu li għamel Gvern Nazzjonalista għal dan il-qasam, bl-iktar miżura importanti kienet l-introduzzjoni tal-low cost carriers, li l-partit ta’ Joseph Muscat oppona b’saħħa mill-Oppożizzjoni. Hemm ukoll il-qagħda politika fin-Nofsinhar ta’ pajjiżna fejn il-pajjiżi kollha tal-Afrika ta’ Fuq, bl-eċċezzjoni tal-Marokk, qed jiġu abbandunati mit-turisti minħabba l-biża’ ta’ attakki terroristiċi. Ma’ dawn żdiedet ukoll it-Turkija li wara l-attentat ta’ kolp ta’ stat u l-miżuri ripressivi li ħa l-President Erdogan, ħafna huma dawk li qed jibżgħu jersqu lejn dak il-pajjiż.
Is-settur tas-servizzi finanzjarji, ġojjell ekonomiku li bnew u kabbru gvernijiet Nazzjonalisti għadu għaddej. Biss dan is-settur m’hemmx dubju li qala’ daqqa ta’ ħarta wara li ħareġ li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fetħu kontijiet bankarji fil-Panama. Minħabba fihom, illum hemm min qed jiddubita dwar is-serjetà ta’ pajjiżna f’dan il-qasam. Dan jista’ jagħmlilna ħsara kbira għax jekk tintilef il-fiduċja tal-barrani, dan is-settur jista’ jieħu daqqa ’l isfel. Xi ħaġa li nemmen ħadd ma jrid li sseħħ.
Mhux kulma jleqq deheb fil-qasam ekonomiku ta’ pajjiżna. Jekk it-tliet saqajn li fuqhom hu mibni t-trepid ekonomiku ta’ pajjiżna ma jissaħħux u ma jikbrux, allura verament ikun qed iberraq.
Li jiżdiedu l-impjiegi hu sinjal mill-iktar pożittiv. Iżda iktar importanti hu fejn jiżdiedu. Għax jekk l-impjiegi jkomplu jiżdiedu fis-settur pubbliku, jekk in-nefqa f’pagi u salarji fis-settur pubbliku tkompli tikber bla kontroll, għad jiġi żmien li din in-nefqa tkun il-mażżra ma’ għonq kull gvern li jkun fil-poter.
//= $special ?>