Wara li fil-jiem li għaddew ġie żvelat kif it-tanker tal-Gass qatt ma missu ġie reġistrat Malta minħabba l-eta tiegħu, għax għandu 31 sena, Transport Malta fi tweġiba lill-ġurnal In-Nazzjon ikkonfermat li fil-każ tat-tanker Armada LNG Mediterrana qed issir eċċezzjoni fir-reġistrazzjoni.
Fir-risposta Transport Malta, qalet li hija prattika li Transport Malta tirreġistra vapuri ta’ mhux aktar minn ħamsa u għoxrin sena. Madanakollu r-regolamenti jippermettu li jsiru eċċezzjonijiet.
L-eċċezzjonijiet jinkludu bastimenti ta’ sidien bi flotta fil-parti l-kbira tagħha Maltija, bastimenti li joperaw biss f’ibħra Maltin jew li joperaw minn Malta.
Minkejja li ngħatat risposta xorta waħda ma ngħatatx il-ġustifikazzjoni għaliex ġie rreġistrat jekk il-bastiment għandu aktar minn 25 sena. Jekk skond Transport Malta l-eċċezzjonijiet jinkludu bastimenti ta’ sidien bi flotta kbira li jiġu registrati Malta, Transport Malta ma qalitx kemm il-vapur ġdid se jkunu qed jirreġistraw f’Malta, is-sidien ta’ dan t-tanker.
Dwar l-eċċezzjoni ta’ bastimenti li joperaw biss f’ibħra Maltin, minkejja l-impressjoni li kienet ingħatat li dan ser jkun vapur bla magni – floating storage unit – ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk dan ma seħħx, u l-Armada LNG Mediterrana hu vapur regolari li ma għandu ebda restrizzjonijiet li jibqa’ fit-territorju Malti.
Fil-jiem li ġejjin dan l-istazzjon se jkun qed jiżvela aktar aspetti marbutin ma dan il-vapur li ser ikun marbut f’nofs il-bajja ta’Marsaxlokk fost oħrajn l-perikli li fil-verità se jkun qed iġib miegħu.
//= $special ?>