Dokumentarju Speċjali
F’dawn l-jiem flimkien ma’ Richard Muscat u t-tim tal-programm Iswed fuq l-Abjad ħdimna fuq d-dokumentarju dwar ix-xandir tal-Partit Nazzjonalista minn Sqallija. Dan id-dokumentarju se jixxandar f’attività fid-Dar Centrali, fl-Erbgħa 14 ta’ Settembru bis-sehem tal-eks Prim Ministru u eks Kap tal-PN, Eddie Fenech Adami u l-Kap tal-PN, Simon Busuttil.
Is-sehem tiegħi f’dan l-programm beda meta it-tim ta’ Iswed fuq l-Abjad iddeċieda li jirraporta iż-żjara li għamel Richard Muscat f’April li għadda fejn ha grupp fil-postijiet ewlenin li kienu marbuta mal-istorja tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista fi Sqallija. Dak kien iż-żmien fejn l-Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Duminku Mintoff kellu kontroll assolut fuq ix-xandir bl-istazzjon tar-radio u t-televiżjoni li kienu tal-Istat.
Kien hemm saħansitra ordni biex ma jissemmix isem il-Kap tal-Oppozizzjoni Eddie Fenech Adami. Kienu żminijiet fejn wieħed ma kienx liberu li jesprimi l-opinjoni tiegħu fil-pubbliku u l-Partit Nazzjonalista iddeċieda ftit qabel l-elezzjoni tal-1981 li jaħdem b’determinazzjoni biex isemma leħnu. Id-deċiżjoni kienet li jxandar minn Sqallija b’Eddie Fenech Adami isejjaħ lil Richard Muscat għal din l-missjoni.
Richard Muscat huwa fil-fatt il-protagonista ta’ din l-parti tal-istorja tal-Partit Nazzjonalista. Iżda kif spiss jiġri, l-istorja tfakkar l-ħidma politika u ftit li xejn temfasiża is-sagrifiċċji kbar li jagħmlu l-persuni madwar l-protagonista. Nistqarr li filwaqt li x-xogħol ta’ Richard Muscat kien wieħed siewi biex illum ingawdu l-libertà tal-espressjoni – iżda matul din l-esperjenza skoprejt l-istorja aħjar meta tkellimt ma’ martu Joyce.
Joyce fiċ-ċentru tal-missjoni mwettqa minn Richard
Joyce kienet l-persuna li rċeviet t-telefonata mingħand Eddie Fenech Adami li għaddilha l-messaġġ li kellu bzonn ikellem lil Richard. Wara li mar jiltaqa’ ma’ Eddie, Richard mar għand martu bl-aħbar li kellu din l-missjoni u li kellu jmur għal żmien qasir fi Sqallija. Minn żmien qasir l-istorja waslet biex fil-fatt dam sitt snin fl-Italja.
Joyce u t-tlett itfal tagħhom għaddew minn żmien diffiċli ħafna. Laqtuni l-istejjer reali ta’ omm ddedikata lejn l-familja li ħabta u sabta sabet ruħha bir-responsabilità u t-trobbija tat-tfal kollha fuqha. Dan waqt li riedet tagħti appoġġ u tagħmel kuraġġ lil żewġha li kien qed isib ħafna sfidi biex iwettaq l-missjoni tiegħu.
Joyce qasmet mieghi stejjer ta’ biza’, qtigh il-qalb u inkwiet ta’ omm li thobb il-familja. L-istejjer tagħha ifakkruni f’tant stejjer ta’ ommijiet li meta l-familja tgħaddi minn żmien diffiċli toħroġ s-saħħa tagħhom. L-omm hija l-qalb tal-familja – fi żmien ta’ kriżi tlaħħaq mal-bżonnijiet ta’ kull membru u toffri s-sabar li jżomm l-familja magħquda.
Id-dokumentarju jinkludi anke stejjer meta Joyce kellha tiffaċja l-awtoritajiet waħedha u bħala omm anke ftakret l-mumenti meta t-tfal bkew għax raw l-Pulizija jżommuha u jagħmluha tfittxijiet. Dawn kienu mumenti diffiċli għal uliedha li kienu jibżgħu meta jaraw l-Pulizija jduru ma ommhom u magħhom.
Permezz ta’ dawn l-istejjer naraw il-kuragg ta’ mara li kienet tlahhaq mal-awtoritajiet, ma’ zewgha jiffaccja l-ostakli u t-tfal li jduru fuqha ghas-sigurta’. Bhala omm nista’ nifhem l-inkwiet ta’ Joyce li tinkwieta fuq s-sigurta’ tal-familja, l-aktar l-biza’ taghha li kienu se jbatu t-tfal minn dak kollu li kien qed jigri. Meta mara ssir omm u tkun omm ddedikata, uliedha jkunu fic-centru tal-ħajja tagħha.
Dan joħroġ ċar mill-istejjer li rrakuntatli Joyce. Iktar tard kellha tiffaċja s-sitwazzjoni fejn żewġha għal żmien twil ma setax jigi Malta minħabba theddid. Joyce kienet l-omm li ftit nirrikonoxxuha fl-istorja imma kellha sehem importanti biex Richard Muscat f’isem l-Partit Nazzjonalista u pajjiżna wettaq missjoni b’suċċess. Kienet missjoni li waslet biex illum ingawdu d-dritt tal-libertà tal-espressjoni.
Napprezzaw l-Istorja
Bħala kandidata żagħżugħa l-istorja tinteressani imma jiena u żgħażagħ bħali nħarsu lejn l-politika minn perspettiva differenti mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna. Din is-sena huwa l-35 anniversarju minn meta Richard Muscat mar ixandar minn Sqallija.
Huwa importanti li l-istorja tiġi mfakkra biex aħna ż-żgħażagħ li llum nivvutaw fuq temi differenti minn ta’ dak iż-żmien napprezzaw li l-libertà tal-espressjoni li ngawdu ġiet permezz ta’ determinazzjoni u kuraġġ mill-ġenerazzjoni ta’ qabilna.
Agħfas hawn għad-dettalji dwar l-attività tal-14 ta’ Settembru.
//= $special ?>