Tkompli l-inċertezza li teżisti dwar il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, bil-General Workers’ Union li l-ġimgħa li għaddiet għamlet sensiela ta’ proposti dwar il-ħaddiema lill-Gvern iżda s’issa għadha bla risposta.
Stqarr dan is-Segretarju Ġenerali tal-istess union, Josef Bugeja, meta mistoqsi minn dan il-ġurnal.
Il-linja nazzjonali tal-ajru hi mifnija minn dejn ta’ €66 miljun li aktarx ikollu jitnrefa’ mill-poplu Malti u Għawdxi jekk il-Gvern jirnexxielu jsib bejgħ tal-kumpanija.
Dan hekk kif Alitalia, il-linja nazzjonali tal-Italja li sussidjarja tal-Etihad, hi nteressata tixtri lill-Air Malta biss jekk jitneħħa d-dejn li għandha din il-kumpanija.
Minkejja dan s’issa ma kienx hemm żvilupp dwar dawn it-trattattivi, anke jekk f’każ li kien għaddej fil-Qorti ntqal li jekk ma tinstabx soluzzjoni sa Ottubru, il-linja tal-ajru ta’ Malta tkun sfurzata tagħlaq.
Dwar il-qasam tas-saħħa, mistoqsi minn dan l-istazzjon, Josef Bugeja qal li lanqas il-General Workers’ Union għadha ma rat il-kuntratt iffirmat bejnn Vitals Global Healthcare u l-Gvern … liema ftehim għadu mhux pubblikat minkejja li l-Gvern għadda l-isptarijiet ta’ pajjiżna lil din il-kumpanija privata.
Minkejja li l-kuntratt għadu sigriet, u moħbi anke mill-unions li fl-aħħar jiem kienu qed jitrattaw il-garanziji lill-ħaddiema li jirrappreżentaw, Josef Bugeja stqarr li l-union hi kuntenta u rasha mistrieħa bil-ftehim iffirmat.
//= $special ?>