Lokali

Il-General Workers Union tressaq il-proposti għall-Baġit 2017

Il-ġid li jinħoloq mill-ekonomija għandu jitqassam b’mod ġust u jasal għand dawk l-iktar batuti jew vulnerabbli fis-soċjetà.

Hu dan l-appell tal-General Workers’ Union lill-Gvern, hekk kif ġie ppreżentat id-Dokument bil-proposti għall-Baġit li jmiss, liema proposti jħarsu lejn firxa ta’ setturi.

F’dak li għandu x’jaqsam mas-servizzi soċjali, il-General Workers’ Union temmen li dawn għandhom jissaħħu u tinnota b’dispjaċir li għadha teżisti sezzjoni tal-popolazzjoni li qed tbati. Fid-dawl ta’ dan tipproponi ġlieda kontra l-abbuż tal-welfare state, jiġu riveduti numru ta’ pernsjonijiet u s-supplimenti li jingħataw mal-pensjonijiet.

Tipproponi wkoll reviżjoni tal-kriterji biex persuna tikkwalifika bħala persuna diżabbli, investiment fl-ambjent u infurzar tar-regoli tal-beach concession.

Il-General Workers’ Union qed tissuġġerixxi wkoll sussidju fuq il-kirjiet u allokazzjoni ikbar ta’ fondi fil-kura kontra l-kanċer. Dan minbarra l-introduzzjoni ta’ Leave Mediku għal min ikollu bżonn trattament wara xi intervent u ffriżar tal-pagament ta’ djun fuq id-djar f’dan il-perjodu.

Id-dokumenti bil-proposti tal-General Workers’ Union jitkellem ukoll dwar il-pensjonijiet, bi proposti biex il-pensjonijiet kontributorji jogħlew b’mod ugwali, li l-pensjoni massima tkun aġġustata u li jitranġaw il-pendenzi għall-eks ħaddiema tal-korpi tax-xogħol fost oħrajn.

Proposti oħra huma li jiġu allokati fondi għall-eks ħaddiema tax-xatt u l-werrieta tagħhom, li min irriżenja b’mod volontarju jkun jista’ jibqa’ jaħdem anke fis-settur pubbliku biex itejjeb il-penzjoni, żieda tal-għoli tal-ħajja l-istess għal kulħadd u reviżjoni fil-pensjonijiet skont is-salarju kurrenti.

Dwar il-qasam tax-xogħol, il-General Workers’ Union temmen li l-Malta Enterprise għandha talloka iżjed fondi favur l-innovazzjoni, għandhom jkun hemm taħriġ u żieda supplimentari għal min jaċċetta t-taħriġ.

Għal dawk qrib il-linja tal-faqar li jidħlu lura għax-xogħol, qed tkun proposta żieda permanenti fl-inwork benefits, inċentivi biex wieħed jidħo llura għad-dinja tax-xogħol, investiment fil-faċilitajiet taċ-child care u reviżjoni tal-benefiċċji soċjali.

Il-General Workers’ Union titlob trattament ugwali tal-ħaddiema tal-kuntrattur u l-aġenziji temporanji, għotja separata lil min jgħix bil-minimum wage, imma mhux żieda fil-minimum wage u ammont ta’ sigħat ta’ urgent family leave. Dwar il-Korpi, qed issir talba li jitħalsu għas-sigħat kollha li jaħdmu.

Il-General Workers’ Union tisħaq għall-bżonn ta’ aġġustament fil-basket tar-Retail Price Index u li l-COLA tingħata darbtejn f’sena.

Il-Gvern qed jintalab jinvesti fl-edukazzjoni, jinċentiva l-apprentistat u joffri l-istipendju anke għal dawk li jbiddlu l-istudju wara l-ewwel sena fl-università jew jagħżlu taħriġ vokazzjonali. Propost ukoll sussidju għall-ġenituri li jagħmlu użu minn servizz ta’ LSA.

Proposti oħra huma li tiddaħħal skema għas-second time buyer, tiġi ndirizzata l-problema tal-kirjiet għolja, tiddaħħal skema fejn il-gvern jikri propjetà li s-sidien ma jistgħux ilestu.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-mediċini, il-GWU titlob lill-Gvern biex jintroduċi sistemà regolatorja iktar effiċjenti għal mediċina ta’ kwalità aħjar u jkun limitat l-abbuż. Għandu jissaħħaħ is-servizz tal-outreach għall-anzjani u dak tar-respite u karta ta’ aċċesibiltà lil persuni li jieħdu ħsieb nies b’diżabiltà.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-isptarijiet, il-GWU tappella lill-Gvern biex jitnaqqsu l-waiting lists, persuna ta’ iżjed minn 65 sena jingħataw trattament preferenzjali, u inċentiv fiskjali għal min għandu assigurazzjoni privata u juża sptar privat.

Proposti oħra huma li jingħataw lill-ħaddiema l-btajjel pubbliċi li jaħbtu s-Sibt jew il-Ħadd, it-titjib tal-infrastruttura tat-toroq u t-tisħieħ tat-trasport pubbliku.

Dwar Għawdex, l-aċċessibbiltà hi priorità, fil-waqt li hemm proposti dwar inċentivi fuq in-nollijiet tal-Gozo Channel, it-tisħieħ tal-cable tal-interconnectivity, investiment ikbar fis-servizz tal-edukazzjoni f’Għawdex, infurzar tal-liġi ambjentali u skemi għal iktar investiment privat.