Nhar l-Erbgħa li għadda ftit qabel l-4 a.m., inzertajt qomt biex nixrob ftit ilma li ndaħħal miegħi ħdejn is-sodda u fuq ir-RAI 3 nara newscaster imwerwra tgħid li fl-istudio f’Ruma kienu ħassew terremot li kien għamel ftit ħin qabel fiċ-ċentru tal-Italja li l-qawwa tiegħu kienet ta’ 6.2 fuq l-iskala tat-terremoti – jiġifieri kien terremot relattivament qawwi ħafna.
Sas-Sibt kmieni waranofsinhar qattajt diversi sigħat quddiem it-televiżjoni insegwi dak li kien qed jiġri fl-inħawi fejn it-terremot laqat bil-kbir u qered kważi rħula sħaħ.
B’kollox, sal-ħin li qed nikteb dan l-artiklu, in-numru ta’ persuni li mietu f’dan it-terremot kien ta’ 290 – għad fadal xi persuni oħra nieqsa li aktarx huma mejta taħt it-tifrik. L-iżgħar vittma kienet tarbija ta’ ħames xhur u l-ixjeħ anzjana ta’ 93 sena. 21 minn dawk mejta huma tfal.
Irriflettejt u staqsejt, jien li nemmen: Għaliex Mulej, int li treġi kollox f’ħajjitna, tippermetti li jseħħu traġedji bħal dawn?
Għaliex, żewġt aħwa reqdin fl-istess kamra, waħda ta’ 4 u oħra ta’ 9 snin, waħda minnhom mietet u ż-żgħira kienet salvata wara 14-il siegħa midfuna taħt it-tifrik?
Għaliex daqstant tfal inqerdu fil-fjur ta’ ħajjithom?
Għaliex filwaqt li aktar minn 130 persuna kienu salvati minn taħt it-tifrik, il-290 l-oħra le?
Il-kriterji
X’inhuma, Mulej, il-kriterji li tuża f’dawn is-sitwazjonijiet – min imut u min jgħix?
Nistqarr li dawn id-domandi, poġġew sfida qawwija għall-fidi tiegħi.
Imbagħad is-Sibt filgħodu sar il-funeral ta’ 35 mill-vittmi tat-terremot. Il-funeral sar f’Palazz li normalment jintuża għal attivitajiet sportivi fir-reġjun. 35 tebut mifruxa mas-sala. Bil-qraba jibku fuqhom. Żewġ twiebet bojod ta’ tifla ta’ 18-il xahar u oħra ta’ 9 snin. Bl-ogħla awtoritajiet tal-Istat Taljan preżenti quddiem kurċifiss mimli trab li kien salvat minn waħda mill-knejjes imġarrfa mit-terremot qerriedi. Nistqarr li waqt li qed nassisti minn fuq it-televiżjoni, qabżitli wkoll xi demgħa.
Waqt il-funeral, l-Isqof tal-lokal, fl-omelija tiegħu, dar lejn il-Mulej u staqsa: “U issa x’se jiġri minn hawn ’il quddiem?” Ir-risposta għad-domandi tiegħi u għal dik tal-Isqof Giovanni D’Ercole, sibtha fil-fidi. Għal min ma jemminx m’hemmx risposta għal dawn id-domandi. Għal min jemmen ir-risposta hi fil-fidi.
Għadhom kif intemmu l-Olimpjadi tal-isport li fihom eluf ta’ atelti pparteċipaw biex jirbħu midalji. Immedjatament wara li seħħ it-terremot fiċ-ċentru tal-Italja, bdew Olimpjadi oħrajn. Olimpjadi tas-solidarjetà. Fejn eluf ta’ ħaddiema u voluntiera minn madwar l-Italja kollha u minn pajjiżi oħrajn fosthom Malta, intefgħu b’ruħhom u ġisimhom f’maratona ta’ salvataġġ ta’ dawk mirduma u għajnuna lil dawk li rnexxielhom isalvaw minn ħalq il-mewt.
Maratona ta’ solidarjetà
Din il-Maratona ta’ Solidarjetà għadha għaddejja sal-lum. Bl-iskop li dawk li salvaw mit-traġedja jkunu jistgħu jibdew mill-bidu. Solidarjetà biex Giorgia, it-tifla ta’ 4 snin salvata wara 14-il siegħa taħt it-trab u sħabha t-tfal tal-irħula milquta, ikunu jistgħu jerġgħu jirritornaw lejn l-iskola, igawdu t-tfulija tagħhom u jkollhom ħajja kemm jista’ jkun qrib in-normalità, sakemm dawn l-irħula jerġgħu jinbnew mill-ġdid.
Pajjiżna wkoll ta sehmu f’din il-maratona. Mhux biss permezz ta’ grupp ta’ volunitiera li telgħu jgħinu fil-ħidma ta’ salvataġġ. Imma wkoll billi ħafna Maltin u Għawdxin, kif dejjem jagħmlu f’sitwazzjonijiet bħal dawn, daħħlu jdejhom fil-but u taw il-kontribut finanzjarju tagħhom b’risq il-vittmi tat-terremot, wara l-appell tal-Isqfijiet Maltin.