BLOGS

L-Air Malta ta’ Għawdex

Bħala Malti u nazzjonalist… nazzjonalist mhux biss għax kandidat tal-Partit Nazzjonalista imma għax kburi u nemmen b’pajjizi…qed insegwi mill-qrib l-iżviluppi tal-futur tal-Air Malta.
Bħala, Għawdxi u nazzjonalist… nazzjonalist mhux biss għax kandidat tal-Partit Nazzjonalista imma għax nemmen fil-potenzjal ta’ Għawdex, ma nistax ma nagħmilx l-osservazzjoni li daqskemm hi importanti l-Air Malta għal Malta hi importanti l-Gozo Channel għal Għawdex.
Il-kumpanija Gozo Channel għandha valur strateġiku u ekonomiku enormi mhux biss għal Għawdex imma anke għal Malta bħala pajjiż, għaliex fl-aħħar mill-aħħar meta nitkellmu fuq Għawdex qed nitkellmu fuq terz tat-territorju ta’ pajjiż żgħir u gżira stat.
Meta nitkellmu fuq l-aċċessibbiltà u l-futur ta’ Għawdex, irridu inħarsu lejn il-kumpanija Gozo Channel bħala assi għal pajjiżna u għalhekk għandna naħdmu biex, mhux biss tkun tista’ tilqa’ għall-isfidi li qed tiffaċċja, iżda biex tkompli tikber, timraħ, tespandi u tkun ażjenda li toffri impjiegi ta’ kwalità lill-ħaddiema tagħha.
Il-Partit Nazzjonalista hu kburi bil-funzjoni tal-Gozo Channel; hu kburi bir-rwol prinċipali li kellha biex Għawdex ittrasforma ruħu fi gżira moderna u miftuħa, u hu kburi bil-kontribut li l-ħaddiema tagħha dejjem taw.
Tħares minn fejn tħares lejha, il-Gozo Channel għandha valur kruċjali għall-futur tal-ekonomija ta’ Għawdex. Din il-kumpanija hi infrastrutura għalina l-Għawdxin, hi triq fil-baħar.
Il-Partit Nazzjonalista għandu jkun kburi wkoll li kienu Gvernijiet Nazzjonalisti li kabbru din il-kumpanija u sar l-investiment fi tliet vapuri ġodda u anke fit-terminals tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa kif ukoll skeda li tkopri 24 siegħa tal-ġurnata.

L-aċċessibbiltà ta’ Għawdex hi kruċjali għal pajjiżna
La darba Għawdex hu gżira, l-aċċessibbiltà ta’ Għawdex hi kruċjali kemm għal Għawdex kif ukoll għal Malta, għaliex Għawdex hu terz tat-territorju ta’ pajjizna u għalhekk għandu jkun assigurat li l-konnettività ta’ Għawdex ma’ Malta mhux talli ma tonqosx, iżda tiżdied.
Dan jista’ jseħħ kemm permezz ta’ servizz fast ferry għal Malta, servizz tal-ajru kemm bejn Għawdex u Malta kif ukoll bejn Għawdex u reġjuni oħrajn. F’ekonomija moderna l-links ta’ Għawdex għandhom ukoll jinfetħu permezz ta’ fibre optic cable ieħor.
Importanti li wieħed għandu jagħmel enfasi li l-ekonomija għandha tkun hemm għan-nies, biex il-politiċi jgħinu lin-nies jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar u mhux ekonomija tiżdied fin-numri u mhux fil-kwalità.

Ħsieb ġdid
Il-ħsieb u l-missjoni tal-kumpanija Gozo Channel hu xprunat mill-bżonn kritiku tal-konnettività ta’ Għawdex u għalhekk f’dan il-kuntest, il-gvern bħala l-azzjonist ewlieni, għandu jikkunsidra li jħajjar investiment mill-pubbliku u mill-istituzzjonijiet lokali permezz ta’ ħruġ ta’ ishma. Flimkien mal-investiment mill-pubbliku, l-impjegati tal-Gozo Channel għandhom ikollhom ukoll l-opportunità li jinvestu fl-ażjenda li jaħdmu għaliha għax dan ifisser ukoll investiment f’Għawdex.
L-impjegati għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-kumpanija, mhux biss mil-lat ta’ kontroll tal-ispiża iżda wkoll mill-aspett tal-parteċipazzjoni tagħhom fit-tkabbir u t-tisħiħ tagħha, u fuq kif huma jistgħu jibbenefikaw mit-titjib finanzjarju fir-riżultati tal-kumpanija.
Il-ħaddiema tal- Gozo Channel m’għandhomx jiġu trattati bħala piż iżda bħala riżorsa li għandha tibqa’ trendi ekonomikament. Il-ħaddiema mhumiex għar-rimi u għaldaqstant għandhom jiġu mħaddma prattiċi innovattivi li mhux biss jipproteġu l-impjieg tal-ħaddiema, iżda joffru aktar opportunitajiet biex ikunu jistgħu jtejbu d-dħul tagħhom.
Fl-isfond tax-xejriet pożittivi li l-passiġġiera li jagħmlu użu mill-vapuri baqgħu jiżdiedu sena wara oħra f’dawn l-aħħar snin, kif ukoll għall-fatt li wasal iż-żmien li l-Gozo Channel tibda taħseb dwar il-futur tal-flotta, din għandha jkollha l-fakultà li tinvesti biex issaħħaħ il-flotta tagħha u li tkun tirrifleti aktar il-bżonnijiet tal-Għawdxin.
Dan kollu jista’ jwassal biex mhux biss il-kumpanija ssostni l-isforzi tagħha għal vijabbiltà, iżda wkoll biex il-ħaddiema jkollhom inċentivi dejjem akbar biex huma stess jinvestu fil-kumpanija.

Fatti mhux paroli
Il-futur tal-Gozo Channel kif ukoll il-futur tal-aċċessibbiltà ta’ Għawdex għandu jieqaf ikun biss fil-merti ta’ rapport jew fil-paroli tad-diskorsi. Il-futur għandu jsir fil-fatti konkreti. Hemm bżonn ir-rieda politika li ssir ġustizzja mal-gżira Għawdxija u ġustizzja mal-Għawdxin.
M’għandniex inħarsu lejn il-kumpanija Gozo Channel bħala waħda ta’ sempliċi profitt jew telf. Din il-kumpanija hi t-triq tagħna l-Għawdxin, tal-Maltin u t-turisti li jiġu Għawdex. Il-kumpanija Gozo Channel hi waħda ta’ servizz infrastrutturali iżda wkoll ta’ servizz soċjali.
Mingħajr ma’ wieħed jeskludi studji u implementazzjoni ta’ proġetti oħrajn bħal dak ta’ undergroud system u ta’ konnettività bl-ajru, Għawdex u l-Għawdxin ma jistgħux jibqgħu jistennew.