BLOGS

L-għoli tal-ħajja jogħla ’l fuq

Iċ-ċifri ta’ Ġunju 2016 juru li Malta qed tbati t-tieni l-ogħla rata tal-għoli tal-ħajja fl-Unjoni Ewropea u dan ilu għaddej xhur sħaħ. Il-prezzijiet qed jogħlew iżda l-pagi staġnaw.
Waħda mill-iktar esperjenzi li jolqtuni ħażin meta nżur il-familji, ħaġa li nagħmel regolarment u bieb bieb, hi dik marbuta mal-ilmenti tal-għoli tal-ħajja. Il-ħajja qed togħla ferm iktar minn kemm qed jogħlew il-pagi u l-pensjonijiet bil-konsegwenza li hawn iktar nies minn sena ilu u minn erba’ snin ilu li ma jistgħux ilaħħqu.
F’Ġunju li għadda, ċifri maħruġin mill-Eurostat juru li dan hu minnu u li għandhom raġun in-nies jilmentaw u jirrabjaw fuq l-għoli tal-ħajja. Iċ-ċifri ta’ Ġunju 2016 juru li Malta qed tbati t-tieni l-ogħla rata tal-għoli tal-ħajja fl-Unjoni Ewropea u dan ilu għaddej xhur sħaħ. Il-prezzijiet qed jogħlew iżda l-pagi staġnaw.
Dawn iċ-ċifri mill-Ewropa juru iswed fuq l-abjad li l-familji u n-negozji fil-bqija tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar sena u nofs gawdew roħs fil-prezzijiet tal-enerġija ta’ 8%. Imma f’Malta, il-familji u n-negozji baqgħu jbatu prezzijiet għoljin tal-enerġija għax il-Gvern ir-roħs kbir fiż-żejt żammu għalih flok għaddieh lin-nies.

Il-prezz tal-ikel għola
Uġigħ ta’ ras ikbar hu l-ikel u l-prezz tiegħu. Iċ-ċifri dwar l-għoli tal-ħajja juru wkoll kemm l-għoli tal-ħajja fil-prezz tal-ikel f’Malta hu ħafna iktar mill-medja Ewropea.
L-ikel f’Malta qed jogħla b’rata aktar mid-doppju tal-inflazzjoni ġenerali. Dan allura qed jolqot b’mod ħażin ħafna u mill-viċin lill-iktar faxex tas-soċjetà li huma fil-bżonn, dawk li għandhom dħul baxx li l-parti l-kbira tan-nefqa tagħhom jagħmluha proprju fuq l-ikel.
Taħsbux li n-nies mhumiex irrabjati dwar dan, iktar u iktar meta qed jisimgħu ġimgħa wara ġimgħa stejjer ta’ skandli ta’ tberbiq ta’ miljuni bejn tal-qalba. In-nies irrabjati għax jiftakru li waqt li huma mhumiex ilaħħqu mal-prezz tal-ikel, ħaddiehor mar jaħbi l-miljuni fil-Panama. Dawn huma kliem minn diversi familji li qed niltaqgħu magħhom u meta fil-politika tisma’ l-istess kliem, jew bejn wieħed u ieħor l-istess kliem, min-nies li ma jafux lil xulxin, tinduna li hemm verità li qed iħossha kulħadd.

Il-morsa tal-pagi
Dawn iċ-ċifri dwar l-għoli tal-ħajja jkomplu jikkonfermaw l-għafsa li qed ibatu l-familji fil-morsa ta’ pagi jistaġnaw min-naħa l-waħda, u prezzijiet tal-prodotti essenzjali jogħlew min-naħa l-oħra.
Dan ħareġ ukoll fl-istudju tal-Caritas li wera li min kien fil-faqar ftaqar iktar u dawk li kienu fix-xifer waqgħu fil-faqar għax familja bi dħul baxx fl-aħħar tliet snin żdidulha l-ispejjeż bi €800 fis-sena waqt li dan il-Gvern ta l-agħar żidiet fi 30 sena.
L-istudju tal-Caritas wera li l-għoli tal-ħajja reali hu erba’ darbiet aktar minn dak li jgħid il-Gvern. U dan hu ta’ inkwiet doppju issa. Mhux biss għax l-għoli tal-ħajja jaffettwa l-aktar lil dawk dgħajfin, fil-faqar u fix-xifer, imma wkoll għax l-għoli tal-ħajja kemm jgħid li hu l-Gvern, diġà hu t-tieni l-ogħla fl-Ewropa, aħseb u ara l-għoli tal-ħajja veru li l-Caritas sabet hu ferm u ferm aktar minn kemm jgħid li hu l-Gvern.
Dan biex ma nsemmux spejjeż oħra li żdiedu bħall-ħlas għall-eżamijiet li għolew ħafna sentejn ilu, u l-kera tal-akkomodazzjoni soċjali li dan il-Gvern għollihom darbtejn u tlieta iktar minn wara dahar kulħadd sentejn ilu.
Naturalment, f’Kastilja ma kienx ħsiebhom fil-ħaddiem iż-żgħir li tawh 58 ċenteżmu waqt li l-għoli tal-ħajja hu t-tieni l-ogħla fl-Ewropa. F’Kastilja kien ħsiebhom jiftħu kumpaniji sigrieti fil-Panama malli telgħu ħalli jpoġġu ċ-ċifri li semmew huma stess: ħames miljun lira sterlina, jiġifieri €6.5 miljun, u miljun dollaru fis-sena.