“BirdLife Malta tibqa’ konsistenti fil-kritika tagħha dwar il-fatt li matul il-qofol tal-passa tat-tajr tal-priża, se terġa’ tkun permessa kaċċa sas-19:00.”
Stqarret dan BirdLife Malta li fi stqarrija fakkret li kien hemm żmien meta din il-miżura kienet aktar effettiva favur il-ħarsien ta’ dawn l-għasafar għax ma kinitx tkun permessa kaċċa wara t-15:00.
BirdLife Malta tkellmet ukoll dwar il-kwota u l-istaġun limitat tal-kaċċa għall-Gamiema – li dan l-aħħar ġiet klassifikata bħala vulnerabbli mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN). “BirdLife Malta tilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li din il-kwistjoni qed tiġi rikonoxxuta imma hija tal-fehma li l-miżuri li qed jittieħdu mhux se jkunu effettivi. Huwa rari li l-gamiem ipassi wara Settembru bil-qofol tal-passa tiegħu tkun fl-ewwel ġimagħtejn ta’ Settembru. Jibqgħu dubji serji kemm tista’ tiġi kontrollata l-kwota nazzjonali ta’ 7,000 għasfur li jistgħu jinqatlu.”
L-għaqda ambjentali wriet xettiċiżmu wkoll dwar dak li jiġi verament irrappurtat u ddikjarat. “Minkejja f’dan, BirdLife Malta tħares ’il quddiem lejn kollaborazzjoni mill-qrib mal-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) u ma’ msieħba oħra fl-Ewropa fl-isforzi biex jiġu implimentati miżuri serji ta’ konservazzjoni madwar il-kontinent ħalli jitnaqqas il-periklu tal-estinzjoni tal-Gamiema.”
L-istqarrija ta’ BirdLife Malta ħarġet fil-ġurnata li fetaħ l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa għal din is-sena u appellat biex kulħadd jobdi l-liġijiet li għandu pajjiżna biex iħarsu l-għasafar u jirrapporta kull illegalità li tista’ titwettaq tul dan il-perojdu.
“Settembru jġib miegħu l-bidu ta’ żmien eċitanti għal dawk kollha li jħobbu l-għasafar u n-natura f’Malta, bil-passa tal-ħarifa tat-tajr tal-priża u numru ta’ għasafar oħra. Kull ħarifa, ħafna għasafar tal-priża migratorji li jkunu qed jaqsmu l-Baħar Mediterran fi triqithom lejn l-Afrika jfittxu kenn fil-Gżejjer Maltin,” fakkret BirdLife Malta.
Il-liġijiet ta’ Malta jippermettu l-qtil ta’ 40 speċi ta’ għasafar tul il-ħames xhur tal-ħarifa, 12 minnhom minn fuq il-baħar ukoll. Il-bqija tal-ispeċi huma protetti bil-liġi Maltija u internazzjonali. Fid-dawl ta’ dan BirdLife Malta tistenna li kulħadd josserva dawn ir-regolamenti.
Fid-dawl ta’ dan BirdLife Malta ħabrbet li tistenna li l-ALE tieħu mill-ewwel l-azzjonijiet neċessarji kontra dawk li jinqabdu jiksru r-regolamenti u offriet assistenza u kollaborazzjoni mal-uffiċjali tal-infurzar, inkluż bir-Raptor Camp annwali tagħha biex tissorvelja l-kaċċa illegali.
Il-pubbliku jista’ jgħin ukoll billi jirraporta każi ta’ ksur tal-liġi u ta’ għasafar feruti lil BirdLife Malta fuq 2134 7645/6 fil-ħinijiet tal-uffiċċju jew fuq il-hotline 7925 5697 (numru strettament riservat għal każi ta’ reati kriminali u emerġenzi) filgħaxijiet u tul tmiem il-ġimgħa.
Rapporti oħra jistgħu jintbagħtu permezz ta’ email fuq info@birdlifemalta.org inkella permezz ta’ messaġġ fuq il-Facebook tagħna fl-indirizz www.facebook.com/birdlifemalta.
//= $special ?>