Lokali

Fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar f’Raħal Ġdid

Raġel ta’ 50 sena minn Wied il-Għajn jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li dalgħodu ntlaqat minn vettura f’Raħal Ġdid.

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-7.10am fi Vjal Santa Luċija, fejn ir-raġel intlaqat minn vettura tat-tip Mazda Demio, misjuqa minn żagħżugħ ta’ 19-il sena minn Birkirkara.

Minbarra l-Pulizija, fil-post issejħet Ambulanza, li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Hemm hu ġie ċċertifikat li sofra feriti gravi u li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mill-Għassa ta’ Raħal Ġdid għadhom għaddejjin.