Lokali

Għal raġunijiet finanzjarji qed nissugraw bil-kbir

Prime Minister Joseph Muscat at the sail away of ARMADA LNG MEDITERANIA at Keppel shipyard Singapore

Ir-raġuni biex it-tanker tal-gass “Armada LNG Mediterrana” jiġi ankrat fil-Bajja ta’ Marsaxlokk setgħet kienet biss waħda finanzjarja biex il-Konsorzju Electrogas jiffranka l-ispiża.

Dan minħabba li f’dan il-każ, il-Konsorzju ried joħloq l-istrutturi neċessarji ħalli l-Floating Storage Unit ikun ankrat ‘il barra mill-art u l-gass jitwassal fil-Power Station b’pipeline taħt il-baħar.

Sorsi fis-settur spjegaw ma’ NETnews li l-Gvern seta’ faċilment talab lill-Electrogas li jekk riedu jibnu din il-Power Station li taħdem bl-LNG, kellhom għall-anqas jieħdu ħsieb is-saħħa u s-sigurtà tan-nies ta’ Marsaxlokk u tal-inħawi billi t-tanker jibqa’ barra t-territorju.

Kienu bosta dawk li ssuġġerrew li jekk isir il-bini ta’ Power Station li taħdem bil-gass, il-Floating Storage Unit kellu jkun ankrat ‘il barra minn Dellimara biex jitnaqqas ir-riskju li dan it-tip ta’ vapur iġib meta jkun ankrat f’Port.

L-esperti fis-settur u li tkellmu ma NETnews saħqu li d-deċiżjoni tal-Gvern li jankra dan il-vapur fil-Bajja ta’ Marsaxlokk hi deċiżjoni riskjuża ħafna u għalhekk il-Gvern, la ried dan il-proġett, ried jara kif se jagħmel biex ineħħi r-riskji kollha.

Is-sorsi komplew li meta wieħed jidħol fid-dettall tal-proġett, isib li l-fatt li l-vapur se jkun ankrat fil-Bajja ta’ Marsaxlokk ġiet meħuda biss biex tkun imrażżna l-ispiża.