Sport Sport Ieħor

L-FMA tappella għall-għajnuna mingħand l-awtoritajiet tal-gvern

Wara li ntemm il-kuntratt li kellhom mal-Assoċjazzjoni Sports Hibernians, il-Futsal Malta Association għadha mingħajr post fejn il-logħob tal-kampjonat nazzjonali jintlagħbu.

Minkejja li kellhom sena sħiħa ta’ diskussjonijiet mal-awtoritajiet tal-gvern, is-sitwazzjoni għadha hemm bis-Segretarju Parlamentari għall-Isports Chris Agius għadu ma sab l-ebda soluzzjoni.

Minħabba l-popolarità li dejjem qed tikber tal-logħba, l-FMA din is-sena kibret għal 30 klabb grazzi għaż-żieda tal-Junior Futsal League, u b’hekk hi kkunsidrata bħala waħda mill-akbar assoċjazzjonijiet f’pajjiżna, minn meta fformat ruħha 5 snin ilu.

L-Assoċjazzjoni qatt ma bbenefikat minn sussidji tal-gvern għal faċilitajiet u għalhekk kienet kostretta tħallas rati kummerċjali, kuntrarju għal assoċjazzjonijiet oħra. L-FMA qed tappella lill-awtoritajiet biex tinstab soluzzjoni malajr qabel ma tkun kostretta li tħassar il-kompetizzjonijiet nazzjonali. Għalhekk, l-assoċjazzjoni qed tappella lill-gvern u lil SportMalta għas-solidarjetà meta talloka l-faċilitajiet lill-diversi assoċjazzjonijiet.

F’laqgħa li saret ilbieraħ, il-klabbs tal-futsal kollha qablu b’mod unanimu mal-pożizzjoni tal-assoċjazzjoni li tagħmel l-aħħar appell lill-awtoritajiet tal-gvern qabel ma jkollha tikkanċella l-kompetizzjonijiet nazzjonali għal dejjem.

L-FMA hi fiduċjuża li soluzzjoni għal futur qarib tinstab b’mod urġenti għal ġid tal-logħba, il-klabbs, il-plejers u l-isport inġenerali. Iżda, għal futur tal-logħba, hemm bżonn li ssir evalwazzjoni tar-riżorsi preżenti u commitment li jingħata faċilità biex il-logħba tkun tista’ tiġi żviluppata.