Saħħa

L-MUMN b’direttivi industrijali għall-iStaff Nurses u l-Enrolled Nurses f’San Vinċenz de Paul

L-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) flimkien mal-Group Committee tal-Union f’San Vinċenz de Paul iddeċiedew li b’effett immedjat jagħtu direttivi industrijali lill-iStaff Nurses u lill-Enrolled Nurses kollha fir-Residenza.

Dan hekk kif fi stqarrija, l-MUMN qalet li fl-aħħar tliet snin, il-kundizzjoni tal-pazjenti nbiddlet b’mod radikali, fejn id-dipendenza tal-pazjenti sparat ‘il fuq. Għalkemm l-istaff b’mod ġenerali żdied, l-ammont ta’ Infermiera baqa’ l-istess u din is-sitwazzjoni qed toħloq aktar pressjoni fuqhom.

Id-direttivi industrijali ordnat mill-MUMN għall-membri tagħha jgħidu li x-xogħol tal-iStaff Nurses u tal-Enrolled Nurses kollha matul il-ġurnata u bil-lejl għandu jinkludi biss tqassim tat-‘treatment’, id-‘dressings’, id-‘documentation’, il-‘parameters’, u ‘supervision’ fuq is-Supporting Staff.

Min-naħa tagħhom, iċ-Charge Nurses u d-Deputy Charge Nurses intalbu jibqgħu jagħmlu x-xogħol kollu li qed jagħmlu llum minbarra t-tqassim tat-‘treatment’.

L-MUMN qalet li ħadet l-inkarigu biex, flimkien mal-Management ta’ San Vinċenz de Paul tagħmel studju xjentifiku u indipendenti dwar il-qagħda tan-Infermiera. Ir-riżultat tal-istudju wera li għalkemm l-ammont ta’ staff għandu jibqa’ kif inhu llum, l-ammont ta’ Infermiera jrid kważi jirdoppja.

Il-Union sostniet li ma tistax tħalli lill-Infermiera membri tagħha f’San Vinċenz fi pressjoni żejda ta’ xogħol sakemm xi darba l-ammont jiżdied. Dan minbarra li f’pajjiżna hawn bżonn ta’ Infermiera li jkunu allokati fi Sptarijiet oħrajn ukoll.