Kollox qed jindika li f’Sirte fil-Libja, il-forzi alleati mal-Gvern ta’ għaqda nazzjonali qed ilestu għall-offensiva finali.
Dan hekk kif il-forzi tal-Gvern qalu li kienu qed javvanzaw lejn l-aħħar post fil-belt li għadu kkontrollat mill-ISIS wara offensiva li bdiet f’Mejju u fil-bidu ta’ Awwissu rat il-parteċipazzjoni mill-ajru tal-militar Amerikan.
Kelliem għall-forzi alleati mal-Gvern Libjan qal li l-ġellieda issa kienu qed javvanzaw lejn partijiet ta’ dak magħruf bħala d-Distrett Numru 3 fejn il-ġellieda tal-ISIS kienu assedjaw ruħhom bil-kelliem Reda Issa jinsisti li issa l-ġellieda alleati mal-Gvern kienu qed ilestu għall-battalja finali. Issa bassar li din il-battalja finali ma kinitx se tieħu fit-tul.
l-ISIS kienu daħlu f’Sirte, il-belt fejn kien trabba d-dittatur Libjan Muammar Gaddafi, lejn nofs l-2015 u titqies bħala l-bażi ewlenija tal-grupp militanti Iżlamiku fil-Libja. Infatti kien hemm ħafna spekulazzjoni li hekk kif l-Istati Uniti kienet żiedet id-doża tal-attakki kontra l-grupp fis-Sirja u l-Iraq, l-ISIS kien qed iħares lejn Sirte bħala kenn jekk ikollu jaħrab minn hemm.
Iżda l-battalja għall-forzi tal-Gvern Libjan mhux mingħajr prezz u kien hemm madwar 400 ġellied li nqatlu u aktar minn 2,500 li ndarbu tul dawn l-aħħar xhur li nqatlu. Fil-parti l-kbira, il-ġellieda li qed jiġġieldu kotnra l-ISIS ġejjin minn Misurata. Min-naħa l-oħra mhemmx ċifri għall-vittmi min-naħa tal-ISIS.
Lejn il-battalja finali għal Sirte
