BLOGS

Nirnexxu Lkoll Flimkien

It-tema magħżula mill-Partit Nazzjonalista għall-festi tal-Indipendenza din is-sena ‘Nirnexxu Lkoll Flimkien’, hi tema mill-aktar relevanti għaċ-ċirkustanzi preżenti. Bħalissa pajjiżna jinstab mifni b’livell ta’ korruzzjoni li qatt qabel ma’ rajna bħalu. Korruzzjoni istituzzjonalizzata fejn il-mistoqsijiet u d-dubji huma l-ordni tal-ġurnata.

Dan kollu qiegħed iservi biex f’pajjiżna qed jikber sens ta’ inċertezza, fejn ħadd ma jaf dak li qiegħed isir huwiex qiegħed isir bil-ġust jew għaliex xi ħadd qiegħed jimbotta għal xi motiv jew ieħor.
Sitwazzjoni fejn ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna barra min xtutna qiegħda titnaqqar malajr b’isem Malta jkun assoċjat ma’ aħbarijiet negattivi. Dan is-sens ta’ inċertezza u l-arja negattiva jwasslu biex pajjiżna ma jiksibx il-potenzjal sħiħ tiegħu. Iwassal biex ikun hemm it-telf tal-opportunitajiet.

Hu għalhekk li l-għajta tal-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil tista’ tiġi deskritta biss bħala arja friska tant meħtieġa minn pajjiżna. Għajta fejn tassew l-ispirtu hu fl-aħjar interess nazzjonali. Fejn il-mira tat-tgawdija hu l-poplu Malti kollu u mhux min hu tal-qalba jew taċ-ċirku ż-żgħir.

Għajta li ssejjaħ mhux lil min hu Nazzjonalist biss imma ssejjaħ lil kull min jemmen fil-potenzjal ta’ pajjiżna u kull min hu lest li jxammar il-kmiem u jaħdem fl-aħjar interess tal-pajjiż. Għajta li ssejjaħ għal ġustizzja minflok il-vendetti.
Għajta fejn is-suċċess għandu jkun il-mira ta’ kulħadd; fejn is-suċċess għandu jkun possibbli għal kulħadd; fejn is-suċċess mhuwiex biss xi ħaġa li jista’ joħlom biha biss min fl-elezzjoni kien fost tal-qalba.
Meta fl-1964 Malta, taħt Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borg Olivier, kisbet l-Indipendenza, il-Partit Nazzjonalista ffokka l-ħidma tiegħu fuq il-kisba ta’ suċċess għal kulħadd.

L-istess ġara fl-2003 meta taħt Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami, pajjiżna ffirma t-trattat ta’ Ateni biex b’hekk infetħu beraħ l-opportunitajiet għal kulħadd. L-istess ġara fl-aħħar leġiżlatura Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi fejn l-għaqal ekonomiku gawda minnu kulħadd. U l-istess se jiġri taħt Simon Busuttil.
Pajjiżna li għandu bżonn politika onesta, għandu bżonn politika ta’ kontabbiltà, għandu bżonn politika ta’ integrità. Pajjiżna se jikseb din il-politika ġdida grazzi għall-ħidma ta’ Simon Busuttil. Ħidma li qiegħda tinkludi lil kull min hu ta’ rieda tajba u lest jaħdem b’mod oġġettiv.

F’pajjiżna m’għandu jkun hemm ebda skuża biex xi ħadd jibqa’ lura. F’pajjiżna ħadd m’għandu jibqa’ lura. Kburi li nifforma parti minn partit b’viżjoni hekk eċċitanti; b’viżjoni hekk pożittiva; b’viżjoni li tassew temmen fil-ħila tal-Maltin u fil-potenzjal ta’ pajjiżna. Kburi li nifforma parti minn partit politiku li mhux bil-kliem imma bil-fatti, ma jħarisx lejn l-uċuħ politiċi imma li fil-politika tiegħu jemmen li tassew Malta Tagħna Lkoll u li għalhekk għandna naħdmu biex ‘Nirnexxu Lkoll Flimkien’.
Fil-jiem li ġejjien jibdew l-attivitajiet politiċi b’rabta mal-festi tal-Indipendenza. Ninsab fiduċjuż li tul dawk il-jiem ta’ festa intom il-qarrejja ta’ In-Nazzjon se tirrispondu għal din is-sejħa pożittiva tal-Partit Nazzjonalista.