Lokali

Ordni ta’ infurzar b’emerġenza fil-konfront tal-operaturi tal-fish farms

Erba’ operaturi tal-fish farms f’pajjiżna ġew ordnati josservaw ordni ta’ infurzar b’urġenza li ħarġet fil-konfront tagħha iktar kmieni dalgħodu, wara laqgħa bejn l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi kif ukoll id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakulturà.

L-ordni tal-infurzar tordna lill-operaturi biex b’mod immedjat jimxu mal-kundizzjonijiet li ntrabtu bihom fil-permessi maħruġa lilhom biex joperaw. Dan jinkludi wkoll l-ammont ta’ strutturi u l-ħidma tal-istess fish farms.

L-operaturi ġew ordnati wkoll biex sa nhar it-Tnejn li ġej jippreżentaw apport dar il-mod kif se jindirizzaw l=illegalitajiet, kif ukoll dwar if se jneħħu l-istess illegalitajiet f’perjodu raġjonevoli.

L-Awtorità tal-Ippjanar fi stqarrija kkundannat lill-operaturi tal-fish farms u ttimbrat il-ħidma tagħhom bħala waħda totalment inaċċettabbli u li qed taffettwa ħażin l-ilma baħar li jdawwar lil pajjiżna.

Wissiet ukoll li żżomm id-dritt li tipproċedi b’azzjoni diretta jekk dan jippersisti u l-operaturi ma ma jimxux mar-regoli tal-ordni tal-infurzar maħruġa fil-konfront tagħhom. Mhix tkun eskluża wkoll il-possibbiltà li jiġu rtirati l-permess.

Dan fil-waqt li mistenni joħroġ ukoll avviż legali rivedut b’multi amministrattivi ogħla marbuta ma’ illegalitajiet tal-ippjanar relatati mal-baħar fis-settur tal-akkwakulturà. Il-multi mistennija jitilgħu għal €2,000 sa massimu ta’ €200,000.