Id-deputati parlamentari f’Madrid ċaħdu lill-Aġent-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy, minn tieni mandat ta’ tmexxija – b’din id-deċiżjoni ttawwal l-istaġnar politiku fi Spanja. Fiċ-ċirkustanzi hemm ukoll possibbiltà kbira ta’ elezzjoni ġdida għall-Parlament, li tkun it-tielet waħda fi 12 il-xahar f’dan il-pajjiż wara żewġ elezzjonijiet inkonklussivi.
Intant, mistenni li hu se jerġa’ jfalli fit-tentattiv peress li l-kapijiet tal-partiti li qegħdin jopponu għalih diġà għamluha ċara li huma se jinsistu bil-‘Le’, aktar milli jastjenu biex jippermettu ħalli Rajoy imexxi Gvern ta’ minoranza.
Mariano Rajoy qed jgħid li hu ħaqqu li jkun Prim Ministru ta’ Spanja mill-ġdid għaliex il-Partit Popolari Spanjol immexxi minnu kien kiseb 2.5 miljun aktar voti mill-Partit Soċjalista (li spiċċa t-tieni l-akbar partit) fl-elezzjoni tas-26 ta’ Ġunju għall-Parlament.
Madankollu hu naqas milli jikkonvinċi lill-85 deputat Soċjalista eletti biex iwarrbu l-oppożizzjoni persistenti għalih, fiċ-ċirkustanzi. Qabel il-vot ta’ nofs il-ġimgħa, Rajoy kien talab lill-Kap Soċjalista, Pedro Sanchez, biex ‘iħalli lill-Partit Popolari jiggverna’, iżda l-indikazzjonijiet, issa, huma li elezzjoni ġenerali ġdida fi Spanja tista’ tkun inevitabbli.