Il-‘whistleblower’ li kixef l-iskandlu tal-visas mediċi rċieva theddid serju fuq uliedu, kemm-il darba jgħid xi ħaġa jew juri xi evidenza dwar dak li kien għaddej f’dan il-każ. Il-ġurnal The Malta Independent irrapporta li Ben Nasan diġà għamel rapport mal-Pulizija dwar dan it-theddid, fejn qal li jumejn ilu, fid-9.10pm, irċieva telefonata fuq il-mobile tiegħu.
Ben Nasan spjega li min ċempillu kien qed jitkellem bil-Malti u qallu “jekk se tparla u tagħti l-videos jew id-dokumenti, tista’ tinsa lil uliedek”. Nasan wieġeb “xi trid tgħid biha ninsihom?”, bil-persuna fuq in-naħa l-oħra tat-telefon qal “Alla jaħfrilhom”.
Sadanittant, f’reazzjoni għal dak ippublikat minn The Malta Independent, il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li dak żvelat mhux biss hu att gravi, iżda att faxxist.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u s-Shadow Minister Jason Azzopardi qalu li l-Gvern li jiftaħar li daħħal il-Liġi tal-Whistleblower, qed jippermetti li bniedem li qed jikxef id-dettalji ta’ skandlu ta’ korruzzjoni maħdum f’Kastilja jiġi mhedded, tant li anke l-ħajja ta’ wliedu tinsab taħt theddida.
Il-Partit Nazzjonalista insista li l-persuna li qed tikxef il-korruzzjoni għandha tingħata l-protezzjoni kollha meħtieġa mill-Pulizija, li flimkien mal-Avukat Ġenerali għandhom jieħdu l-passi bla aktar dewmien dwar dawn l-allegazzjonijiet.
Iż-żewġ kelliema saħqu li kif qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, post il-kriminali hu fil-Ħabs u mhux f’Kastilja. Dawn l-aħħar żviluppi jkomplu jikkonfermaw kemm pajjiżna għandu bżonn jiknes lill-kriminali mill-poter ħalli l-poplu jerġa’ jibda jħossu sigur u bla biżà li jekk jikxef il-korruzzjoni, jiġi mhedded b’ħajtu.
//= $special ?>