Internazzjonali

Theresa May tinsisti “Brexit ifisser Brexit”

Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May eskludiet il-possibbilta li fir-Renju Unit ikun hemm referendum ieħor dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea jew xi manuvri biex il-pajjiż isib xi skuża biex jibqa’ membru.
Hi qalet dan fl-ewwel laqgħa tagħha mal-ogħla uffiċjali tal-Kabinett tagħha wara l-btajjel tas-sajf, fejn tenniet li “Brexit ifisser Brexit”.
It-tema tal-laqgħa kienet l-istrateġija fil-konfront tal-Brexit u kif la darba dan iseħħ, ir-Renju Unit iżomm rwol dominanti fix-xena internazzjonali. Hi insistiet li l-mira hi li l-Brexit se ġġib l-ikbar suċċess possibbli lill-pajjiż.
Il-laqgħa saret hekk kif stħarriġ ġdid tal-ICM / Guardian tal-Konservattivi juri vantaġġ ta’ 14-il punt fuq il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, b’appoġġ ta’ 41 fil-mija. Il-UKIP hu fit-tielet post b’appoġġ ta’ 13 fil-mija, u wara, il-Liberal Demokratiċi b’9 fil-mija. Dan l-istħarriġ ħareġ wara li l-Partit Konservattiv ra s-sħubija tiegħu tiżdied b’50,000 wara r-referendum dwar il-Brexit.
Il-laqgħa saret f’Chequers, ir-residenza tas-sajf tal-Prim Ministru Ingliż f’Buckinghamshire. Il-laqgħa saret ukoll wara li May kellha sensiela ta’ telefonati ma’ xi mexxejja Ewropej biex assigurathom li r-Renju Unit ma kienx se jabbanduna l-Ewropa.
May insistiet ukoll li l-Gvern ta’ Londra ma kienx se jattiva dak magħruf bħala l-Artiklu 50, li bih jibda formalment it-tluq mill-UE, sa qabel tmiem is-sena.
Dan biex kemm ir-Renju Unit kif ukoll l-UE ikollhom ċans jippreparaw sew għall-Brexit u jaħsbu f’kull eventwalita.
May wiegħdet ukoll li sakemm ir-Renju Unit jibqa’ membru tal-UE, il-pajjiz kien se jwettaq l-obbligi kollha tieghu bħala membru.