BLOGS

Tista tafda?

Malta għal darb’oħra tiġbed l-attenzjoni tagħha minħabba nuqqas ta’ onestà fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż. Qed nirreferi għat-tmexxija għaliex mill-ġdid, persuna qrib il-Prim Ministru, bl-aġir tiegħu, żeffen isem Malta fi skandlu li din id-darba jinvolvi Visas Mediċi maħruġa allegatament b’mod skorrett – liema visas huma ntiżi biex jinħarġu lil persuni li għandhom bżonn għajnuna medika, biex ikunu jistgħu jiġu jieħdu din il-kura f’Malta.
Kwistjoni li ilha ftit għaddejja u li f’dawn il-ġimgħat kellha żviluppi kemxejn kontroversjali u kontradittorji. Fuq naħa, kien hemm il-Pulizija li saħqu li wara l-investigazzjonijiet li saru, ma rriżulta xejn skorrett u għalhekk mhux se tieħu passi kontra Neville Gafà, li hu l-persuna li qed jiġi indikat bħala l-persuna wara dawn l-allegati skorrettezzi.
Min-naħa l-oħra, il-midja lokali kompliet toħroġ aktar dettalji, li jżidu mas-suspetti dwar dan il-każ, filwaqt li Ivan Grech Mintoff, minn Alleanza Bidla jgħid li hemm ħafna provi li jekk joħorġu jbidlu l-eżitu ta’ dan il-każ, provi li jekk joħorġu se jġibu lil Malta f’sitwazzjoni mbarazzanti u ssir ħafna ħsara lil pajjiżna.
Indubjament, il-ħsara lil Malta mhux se jagħmluha dawn il-provi, imma min ikkommetta l-aġir li jħammar wiċċ Malta. Prova hi determinata minn azzjoni, u l-kolpevolezza tal-każ taqa’ fuq min ikkommetta l-azzjoni u mhux fuq min jirrapporta l-prova.

X’investigazzjoni?
Filwaqt li wieħed jifhem li ċertu informazzjoni mhux faċli totteniha, il-fatt li l-għada li l-Pulizija ħarġet tgħid li ma sabet xejn fl-investigazzjoni, ġurnal indipendenti ħareġ sensiela ta’ messaġġi u konverżazzjoni bejn Gafà u l-Whistleblower, ixxejjen mhux ftit l-investigazzjoni li suppost saret.
Wieħed isibha diffiċli jifhem kif il-Pulizija ma ottjenitx, jew ma ngħatatx kopja ta’ dawn il-messaġġi. Forsi għaliex min kien fil-pussess ta’ dawn il-messaġġi mhux konvint mill-integrità tal-Pulizija?
Min-naħa l-oħra, kellna wkoll l-aħbar li l-Pulizija talbet parir tal-Avukat Ġenerali dwar jekk għandhiex tieħu passi kontra l-whistleblower. Dan ifisser li l-persuna li ppruvat tikxef dan l-iskandlu, jaf jispiċċa hu fil-mira tal-akkuża filwaqt li min allegatament ikkommetta l-iskorrettezza joħroġ liberu u frank.
Il-Partit Laburista tant ftaħar bil-liġi tal-Whistleblower, u qal li min jiġi’l quddiem b’informazzjoni se jkun protett. Iżda issa, meta l-akkużat hu persuna qrib ta’ Joseph Muscat, id-diska tinbidel, u dak li suppost qed ikun protett, jaf jispiċċa akkużat.

Lil min tista’ tafda?
Mistoqsija pertinenti, u l-fatt li l-għada li l-Pulizija qalet li ma sabet xejn, il-midja lokali kompliet toħroġ aktar dettalji li jfisser ħafna wkoll. Fl-opinjoni tiegħi, il-Korp tal-Pulizija, maqsum f’żewġ sezzjonijiet – għandek il-Pulizija onesti, li jaħdmu u jissugraw biex ikun hawn il-bon ordni, u ssir ġustizzja. Fuq in-naħa l-oħra, għandek it-tmexxija ta’ dan il-Korp, mill-Ministru sal-Kummissarju, b’attitudni differenti u b’fehma differenti minn dak li saħansitra jistenna minnhom il-poplu. Sfortunatament, dan qed ixejjen mhux ftit id-dehra tal-korp u l-fiduċja tal-poplu fil-Pulizija. Fiduċja li hi essenzjali biex f’pajjiżna jkollna l-paċi u s-sigurtà.
Issa li ġejna fi stat, fejn bniedem li jikxef allegat, għaliex fil-ħin tar-rapport kull rapport hu biss allegazzjoni peress li għad m’hemmx sentenza tal-qorti li tikkonferma r-reat, jispiċċa hu stess l-akkużat. Mela allura f’dan il-pajjiż vera ma fadal xejn fuq min tibbaża u tavża.
Meta bniedem li rrikorra għall-forzi tal-ordni, jaf jispiċċa fil-mira ta’ akkużi serji, allura l-poplu għandu problema għaliex m’għandux lil min jirrikorri – meta l-Gvern qed jimxi bil-kuluri u mhux bir-raġuni, hemm il-pajjiż għandu problemi serji.
Din taf tirriżulta fi problema serja, u l-Gvern għandu jintervjeni minnufih, iżda l-Gvern verament qed iġib il-ġid ta’ pajjiżna u tal-poplu Malti kollu bħala prijorità?