Lokali

Vapur tal-art mibni minn 1000kg kartun

Mat-tunellata kartun intużaw sabiex jinbena vapur tal-art li kien jgħaddi minn taħt l-Imtarfa. Dan il-proġett hu idea ta’ Stephen Bonello li s’issa għadda mal-130 siegħa biex jibni din il-ferrovija. Iżda dan ix-xogħol kollu ma għamlux waħdu hekk kif jgħinuh għandu lill-mara tiegħu Charmaine u liż-żewġt uliedu bniet Noellemarie ta’ 12-il sena u Bianca li għandha 10 snin. Dan il-vapur tal-art tal-kartun inbena sabiex ikun parti mill-attivita’ military Imtarfa li se titella’ fis-16 ta’ Ottubru.

Il-ferrovija hi għolja 11-il pied, twila 28 pied u wiesgħa’ maż-2 metri u hi magħmula b’tali mod li tista’ tiżżarma u tintrama fil-post fejn se tkun eżebita. Stephen Bonello spjega li ilu jaħdem fuqha minn Frar. L-ewwel beda jaħseb x’seta’ jibni imbgħad la darba ddeċieda ra kemm il-proġett hu vijabbli u wara beda jibnih ftit ftit. Spjega wkoll kif għalih u għall-familja tiegħu dan is-Sajf kien ifisser xogħol għaliex biex jilħqu jlestuh sa Ottubru ma tantx kellhom ċans igawdu l-baħar.

Għalfejn għall-attivita’ Military Imtarfa għażel li jibni din il-ferrovija, Stephen qal li ħafna Maltin ma tantx jafu x’inhu eżatt il-vapur tal-art u għalhekk ħass li kellu jibni wieħed ta’ daqs normali bil-kartun. Qal wkoll li qed jittama li b’dan il-proġett jidħol fil-Guiness World Records.

Din m’hix l-ewwel darba li Stephen bena xi ħaġa sabiex tkun eżebita waqt l-attivita’ Military Imtarfa. Fl-2013 bena ajruplan tat-tieni gwerra dinija, ta’ daqs normali, magħruf bħala Hurricane u fl-2014 bena ajruplan, ta’ daqs normali wkoll, fuq mudell ta’ l-ewwel gwerra dinija magħruf bħala Viper.