Ambjent Lokali

Wasteserv tniedi riforma fis-Civic Amenity Sites

Il-kumpanija Wasteserv illum nediet riforma fis-Civic Amenity Sites, li mistennija jgħinu fil-ġlieda kontra użu irresponsabbli minn kumpaniji kummerċjali.

Fi stqarrija, Wasteserv fakkret kif is-Civic Amenity Sites kienu oriġinarjament intenzjonati għal skart goff domestiku. Madankollu, irriżulta li dawn is-siti kienu qed jintużaw b’mod abbużiv u bla kontroll minn kuntratturi privati u entitajiet kummerċjali. U dan minkejja li għandhom metodi oħrajn kif jarmu l-iskart goff tagħhom.

Wasteserv spjegat li din ir-riforma tagħmilha aktar faċli biex wieħed jiddistingwi bejn skart domestiku u kummerċjali, anke abbażi tal-vettura li tkun qed titrasporta l-iskart. Ir-riforma qed tippermetti li filwaqt li vetturi privati li juru li l-iskart li qed jarmu hu minn residenza jistgħu jarmu mingħajr limitu, dawk li jużaw karozza kummerċjali żgħira se jkunu jistgħu jużaw is-sit għal 18-il darba fis-sena.

Dan l-ammont jikkumplimenta s-servizz ta’ ġbir ta’ skart goff offrut mill-Kunsill Lokali u għalhekk għandu jkun biżżejjed biex iservi għall-eżiġenzi tar-residenza. Fl-istess waqt, se jingħata permess għal użu ta’ darba minn vetturi kbar f’każijiet eċċezzjonali. Min-naħa l-oħra, skart kummerċjali għandu jkun mormi b’mod alternattiv.

Wasteserv qed tistieden lil min jixtieq aktar informazzjoni biex jagħmel kuntatt fuq it-telefon 8007 2200 jew b’email lil info.ws@wasteservmalta.com.