Lokali Saħħa

Żewġ infermiera bi Protest fil-Qorti dwar allegati irregolaritajiet fl-elezzjoni għall-Kunsill tal-Infermiera u l-Qwiebel

Fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, l-infermiera Corinne Ward u Maria Cassar ippreżentaw Protest kontra l-Ministru tas-Saħħa, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa, Ufficjali fid-Dipartiment tas-Saħħa, kif ukoll Giselle Curmi, Charles Galea u Adrian Farrugia bħala membri tal-Kummissjoni Elettorali għall-elezzjoni ta’ membri fil-Kunsill tal-Infermiera u l-Qwiebel.

Fil-Protest, li kien ippreżentat mill-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta, intqal li fis-26 ta’ Awwissu 2016 intemmet il-votazzjoni minn fost is-‘second level nurses’ li huma rreġistrati f’Malta u f’Għawdex għall-Kunsill tal-Infermiera u l-Qwiebel.

Ward u Cassar, li kienu fost ħames Kandidati għal tliet postijiet fuq il-Kunsill, qed isostnu li fl-elezzjoni saru irregolaritajiet kbar li ġabu l-elezzjoni qarrieqa u mhux ħielsa. Jirriżulta li f’Lulju 2016, qabel ma bdiet il-votazzjoni, Corinne Ward kitbet lill-Ministru tas-Saħħa u lis-Segretarju Permamenti fil-Ministeru tas-Saħħa biex twissihom u tavżahom li l-proċess elettorali li kien għadu se jibda kien miftuħ beraħ għall-abbużi.

Fost l-abbużi identifikati kien hemm wisq ‘envelopes’ li kienu impustati suppost minn madwar Malta fl-istess żmien li fihom kien hemm il-voti identiċi u li, agħar minn hekk, kien hemm numru sew ta’ Dokumenti tal-Vot li ma kienux bħall-kumplament.

Fil-Protest kien spjegat li l-‘background’ tad-Dokumenti tal-Vot li fuqhom kien hemm voti għal Ward u Cassar kien totalment differenti mill-‘background’ tad-Dokumenti tal-Vot li fuqhom kien hemm voti għat-tliet Kandidati l-oħrajn. Fil-voti li ma kienux bħall-kumplament, u li dwarhom ingibdet l-attenzjoni, il-voti fuqhom kienu kważi identiċi u l-ebda vot għal Ward u Cassar. Min-naħa l-oħra, il-voti marru kważi unanimament għand it-tliet Kandidati l-oħrajn.

Iż-żewġ infermiera sostnew li żgur mhux b’kumbinazzjoni li l-voti li fuqhom kien hemm il-vot għat-tliet Kandidati l-oħra biss kienu kważi kollha jidhru li kellhom żewġ marki suwed, żgħar hafna, fil-kaxxa għall-isem “Corinne Ward”, b’kollha kienu eżatt fl-istess punt identiku, iżda d-dokumenti li fuqhom kien hemm voti għal dawn iż-żewġ Kandidati ma kellhom l-ebda waħda minn dawn iż-żewg marki suwed.

Jirriżulta wkoll li l-membri tal-Kummissjoni Elettorali ma jafux jekk u kemm kien hemm voti li ffirmaw iżda li ma ntbagħtux bil-posta, kif tghid il-Liġi, lill-infemrirera rreġistrati biex dawn jivvutaw. Ward u Cassar qalu li ma kienux mistiedna jkunu preżenti għall-ittimbrar ta’ kull Dokument tal-Vot ħalli jkun żgurat li l-voti jkunu dawk approvati mill-Kummissjoni Elettorali.

Fil-Protest intqal li l-membri tal-Kummissjoni Elettorali kkonfermaw ma’ Maria Cassar li wħud mill-voti kellhom timbru tal-Kunsill għall-Infermiera u l-Qwiebel, li kien fotokopjat u mhux oriġinali. Dan waħdu żgur jivvizzja l-proċess elettorali. Għaldaqstant, iż-żewġ infermiera nsistew għal Inkjesta Pubblika skont l-Att dwar l-Inkjesti biex teżamina l-process elettorali kollu u biex isir proċess elettorali ġdid, ħieles u nadif minn kull tbagħbis, abbuż, frodi u qerq.