Lokali

AĠĠORNATA: Mill-anqas persuna l-isptar b’kawża ta’ nirien li ħakmu appartament f’Tas-Sliema.

Mill-anqas persuna kellha bżonn tingħata l-kura wara nar li ħakem appartament fi Triq Rudolfu f’Tas-Sliema. Fortunatament, in-nar ġie kkontrollat wara ftit ħin iżda persuna ttieħdet l-isptar permezz t’ambulanza minħabba ammont ta’ duħħan li belgħat.

Skont il-Pulizija, Surġent mar minnufih fuq il-post biex jassisti lil tliet persuni li kienu ġewwa, fejn fortunatament huma nħarġu mill-appartament qawwijin u sħaħ. Minn investigazzjonijiet preliminari jidher li għal xi raġuni n-nar beda minn taġen u għalkemm kien se jaqbad jinfirex mal-għamara tal-kċina, is-Surġent irnexxielu jikkontrolla n-nirien permezz ta’ xugaman u fire extinguisher sakemm fuq il-post waslu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Fuq il-post waslu mill-anqas żewġ vetturi tat-tifi tan-nar, li assiguraw li ma kienx hemm periklu. B’konsegwenza ta’ dan l-inċident, inħoloq traffiku enormi fl-inħawi, inkluż minħabba numru ta’ karozzi ta’ tal-linja li ma setgħux ikomplu bil-vjaġġ tagħhom.

Fuq il-post intbgħatu uffiċjali mill-korp tal-pulizija li ħadu ħsieb jikkontrollaw it-traffiku.

L-investigazzjonijiet mill-pulizija għadhom għaddejin.