Konferma ta’ aktar dewmien biex il-Power Station ta’ Dellimara tkun lesta. Dan hekk kif issa kien il-Prim Ministru Joseph Muscat stess li kkonċeda li għad hemm dokumenti x’jitlestew b’rabta maċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà fil-proġett.
Muscat kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara li l-ġurnal The Times of Malta żvela li għat-tielet darba, se jinqabeż id-‘deadline’ tal-Gvern għall-Power Station f’Dellimara. Sorsi viċin il-proġett qalu li d-data tal-aħħar tas-Sajf mhux se tintlaħaq minħabba li t-tanker mhux se jkun wasal Malta.
Waqt il-kampanja elettorali, il-Partit Laburista kien wiegħed li l-Power Station tkun lesta u taħdem sa Marzu 2015, iżda f’Diċembru 2014, meta kien għadu lanqas biss beda x-xogħol, il-Ministru Konrad Mizzi qal fil-Parlament li l-Power Station se titlesta sa Ġunju li għadda.
Ġunju ġie u għadda, b’Konrad Mizzi u Joseph Muscat ikollhom jagħtu ‘deadline’ ġdid għall-aħħar tas-Sajf. Fl-1 ta’ Awwissu li għadda, Muscat, il-Ministru Mizzi u ċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri marru Singapore u ppużaw għal ritratti f’ċerimonja suppost tat-tluq tat-tanker tal-gass.
Iżda tliet ġimgħat wara, it-tanker “Armada LNG Mediterrana” kien jidher għadu sorġut f’Singapore. U issa, Joseph Muscat innifsu kkonferma li biex il-vapur isalpa, irid ikollu ċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà u dokumenti oħra lesti.
//= $special ?>