Il-Każin tal-Partit Nazzjonalista ta’ Marsaskala safa fil-mira ta’ serq. Il-każ seħħ matul il-lejl li għadda meta persuna jew persuni mhux magħrufa sgassaw il-bieb prinċipali tal-Każin u telgħu fil-Bar.
Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt jirriżulta li fil-post kien hemm ‘cash box’ b’madwar €80, bil-flus kontanti nsterqu kollha. Madankollu, ma jidhirx li kien hemm serq ieħor, hekk kif bħalissa l-Każin jinsab magħluq għall-pubbliku u vojt minħabba xi xogħol ta’ rinnovar li qed isir.
Persuni li kienu għaddejjin mit-triq indunaw bl-isgass u għamlu kuntatt mal-President tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista Jesmond Attard. Min-naħa tiegħu, Attard ċempel immedjatament lill-Pulizija u daħal magħhom fil-post appena waslu.
Aktar tard matul l-għodwa, fil-post waslu wkoll Pulizija mis-Sezzjoni tal-Forensika, li qed jgħinu fl-investigazzjonijiet, li għadhom għaddejjin.
Sadanittant, NETnews.com.mt jinsab infurmat li anke l-Każin tal-Boċċi ta’ Ħaż-Żabbar kien fil-mira ta’ sgass u serq matul il-lejl li għadda. F’dan il-każ jirriżulta li l-ħalliel jew ħallelin daħlu minn tieqa.
Għalkemm s’issa xejn għadu ma jista’ jiġi kkonfermat, sorsi li tkellmu magħna qalu li mhux ikun eskluż li ż-żewġ każijiet jistgħu jkunu relatati.
//= $special ?>