Meta nitkellmu dwar l-impjiegi, u l-ħolqien tagħhom, hemm diversi kunsiderazzjonijiet x’nieħdu. L-ewwel kunsiderazzjoni hi fejn qed imorru l-impjiegi maħluqa.
F’Malta għandna tliet setturi ekonomiċi ewlenin: il-manifattura; it-turiżmu u s-settur finanzjarju. Għall-iskop ta’ din il-kitba se nżid settur ieħor: is-settur terzjarju. Gvernijiet bi twemmin Laburista u Soċjalista dejjem kienu favur il-manifattura u iktar iva milli le kontra t-turiżmu, it-terzjarju u s-servizzi finanzjarji. Illum jidher li nnamraw ma’ dawn is-setturi għaliex l-iktar li jimpjegaw nies u allura ma jistgħux juru li huma kontrihom!
Biex nagħmel din l-analiżi se nieħu s-snin li ilu fil-gvern il-Partit Laburista – minn Marzu 2013 (u allura se nieħu Frar 2013) sa Marzu 2016 (l-aħħar xahar li tiegħu ġew ippubblikati ċ-ċifri).
Jirriżulta li f’dawn it-tliet snin sħaħ ta’ Gvern Laburista kien hemm żieda fl-impjiegi ta’ 22,099. Fejn marret din iż-żieda jekk nieħdu s-setturi ewlenin tal-ekonomija?
● Is-settur tal-manifattura żied biss 601 impjieg.
● Is-settur tat-turiżmu żied 1,410 impjieg.
● Is-settur finanzjarju u ta’ attivitajiet ta’ assigurazzjoni żied 1,728 impjieg.
● Is-settur terzjarju privat li jiġbor fih kummerċ bl-imnut u bl-ingrossa, trasport u magażinaġġ, attivitajiet amministrattivi u servizzi ta’ appoġġ żied 6,591 impjieg.
●Is-settur tal-gaming żied 2,296 impjieg.
● Is-settur tal-arti, divertiment u rikreazzjoni żied 2,273 impjieg;
●Is-settur pubbliku żied 2,832 impjieg;
●Is-settur tal-kostruzzjoni tilef 1,300 impjieg.
Is-settur pubbliku jidher li żied 2,832 impjieg. Ma’ dawn qed jidhru l-1,500 impjegat li kellha l-Enemalta u li meta din il-korporazzjoni nbiegħet inħolqot kumpanija biex teħodhom magħha – Engineering Resources Ltd – li tagħha hu responsabbli l-gvern. Fi kliem sempliċi hi tal-gvern. Hekk iż-żieda fin-numru ta’ dawk fis-settur pubbliku ma jibqax iktar 2,832 iżda jitla’ għal 4,352.
Ma’ dawn hemm xi impjiegi minn setturi oħrajn? Hekk pereżempju fejn se jmorru l-impjegati żejda tal-Air Malta f’każ li 49 fil-mija minnha tittieħed mill-Alitalia?
Meta niktbu dwar żieda esaġerata fis-settur pubbliku nkunu nafu x’qed ngħidu. Tajjeb infakkru li f’Diċembru 2011 kien hemm 41,136 fis-settur pubbliku. Dawn naqsu marġinalment għal 41,010 f’Diċembru 2012, dejjem taħt Gvern Nazzjonalista. Minn hemm, u bil-bidla fil-gvern bdew jiżdiedu: għal 42,421 f’Diċembru 2013 u 44,405 d’Diċembru 2014.
Hemm setturi oħrajn li żiedu l-impjiegi taħt dan il-gvern, fosthom l-edukazzjoni u s-saħħa umana u attivitajiet ta’ ħidma soċjali fejn kien hemm żieda fl-impjiegi ta’ 3,168 li 1,452 minnhom kienu fis-settur pubbliku.
Dan għaż-żieda b’mod ġenerali, fejn jirriżulta li mit-22,000 impjieg li żdiedu 2,000 minnhom biss, marru fi tnejn mill-iktar setturi ekonomiċi importanti: il-manifatuura u t-turiżmu. Dan jirrikjedi studju profond għaliex ma jistax ikun li s-settur tal-manifattura jibqa’ staġnat filwaqt li dak turistiku, li tant kiber, żied biss 1,400 impjieg.
Kunsiderazzjoni oħra hi kemm mill-impjiegi li qed jiżdiedu qed imorru għand il-Maltin. F’Settembru tas-sena l-oħra l-Ministru Evarist Bartolo rrimarka li nofs l-impjiegi li qed jinħolqu qed imorru għand il-barranin. Jien nemmen li anke iżjed min-nofs qed imorru għand il-barranin. F’Diċembru tas-sena l-oħra kien hawn jaħdmu f’pajjiżna 27,145 barrani, jew kważi 15 fil-mija ta’ dawk kollha jaħdmu f’pajjiżna.
Minn dawn, qrib il-71 fil-mija kienu mill-UE. Dawn jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-ekonomija tal-pajjiż. Nikkalkula li dawn daħħlu f’pagi madwar €550/€600 miljun li parti sostanzjali minnhom tibqa’ f’pajjiżna u tikkontribwixxi biex jikber il-Prodott Domestiku Gross, jew il-ġid nazzjonali.
Jien anqas nemmen li dawn qed jieħdu ħobż il-Maltin. Jirreġistraw għax-xogħol hawn f’pajjiżna 4,000. Li jfisser li anke jekk jaħdmu kollha xorta jibqa’ 23,000 impjieg li kieku m’hawnx min jagħmilhom. Dan żgur ma jħallix effett tajjeb fuq l-ekonomija.
Għawdex mar lura
Kunsiderazzjoni oħra hi jekk iż-żieda fl-impjiegi hix qed tilħaq il-pajjiż kollu. Hawnhekk irridu naraw jekk l-Għawdxin hux qed jieħdu s-sehem tagħhom miż-żieda fl-impjiegi. Fi Frar tal-2013 f’Għawdex kien hemm jaħdmu 9,170 persuna jew 6.3 fil-mija ta’ dawn kollha jaħdmu f’Malta u Għawdex.
F’Marzu ta’ din is-sena in-numru tela’ għal 10,363 jew 6.2 fil-mija ta’ dawk kollha jaħdmu. Mela Għawdex li miżerjament għandu jkollu 7.7 fil-mija tan-nies kollha jaħdmu fl-aħħar tliet snin flok mar ʼil quddiem mar lura. Dan xejn ma jawgura tajjeb għal ħutna l-Għawdxin!
Is-settur pubbliku fl-aħħar tliet snin kompla jikber anke jekk is-settur privat qed jikber b’pass iktar mgħaġġel. Jien niftakar li fl-1971 meta nbidel il-gvern u tela’ fil-poter il-Partit Laburista mmexxi minn Duminku Mintoff, is-settur pubbliku kien jiġbor fih 20 fil-mija ta’ dawk kollha jaħdmu.
F’Mejju 1987, wara 16-il sena ta’ Gvern Laburista, is-settur pubbliku kien jimpjega 50 fil-mija tal-ħaddiema kollha. Is-settur privat kien flok kiber ċkien għaliex il-Gvern Laburista biex jirbaħ l-elezzjoni kien jimpjega nies bl-addoċċ.
Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern, l-ewwel taħt Eddie Fenech Adami u wara taħt Lawrence Gonzi, kabbar is-settur privat u ċekken dak pubbliku biex illum jiġbor fih biss 25 fil-mija, jew kwart tal-ħaddiema kollha. Dan seta’ jseħħ għaliex gvernijiet Nazzjonalisti kabbru s-setturi tal-manifattura u t-turiżmu u fetħu setturi ġodda li jimpjegaw ħafna nies, fosthom dawk tas-servizzi finanzjarji u tal-gaming. Setturi li la rikbu fuq artijiet f’zoni barra l-iżvilupp u anqas għamlu ħsara lil isem pajjiżna.
Il-Gvern Laburista jiftaħar biż-żieda fl-impjiegi. Jagħmel sew għax l-impjiegi huma l-barometru tal-ekonomija. Biss s’issa baqa’ fuq dak li ħallewlu gvernijiet Nazzjonalisti. Xejn ġdid. Ikollu verament biex jiftaħar jekk jistudja kif jinfetħu setturi ġodda li joħolqu l-impjiegi. Mhux setturi bħal bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija u tal-bejgħ ta’ artijiet pubbliċi. Li jħallu gwadann għal dak il-ħin, iżda ħafna ħsara għall-futur.
Bil-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija l-gvern għamel ħafna ħsara lill-isem pajjiżna u ma ħallitlux il-miljuni li kienet ittamat li se tħalli. Mill-bejgħ tal-artijiet pubbliċi ssir ħsara rreparabbli lill-ambjent.