Lokali

Il-kwistjoni ta’ Sai Mizzi mhux se tintesa – The Times of Malta

Bħall-iskandlu tal-Panama Papers, il-kwistjoni tal-kuntratt ta’ Sai Mizzi, mart il-Ministru Konrad Mizzi, mhux se tintesa. Sew jekk tkun irriżenjat, assenjata kariga oħra, jew bil-kuntratt imġedded.

Isostni dan il-ġurnal The Times of Malta fl-Editorjal tiegħu, li sostna li kemm fil-każ tal-Panama Papers, kif ukoll fil-kuntratt ta’ Sai Mizzi, il-poplu qed jistenna tweġibiet dwar x’sar mill-flus tat-taxxi tiegħu.

L-Editorjal qal li s-saga tal-ħatra ta’ Sai Mizzi bdiet ħażin, iddeġenerat u jidher li se tispiċċa b’mod inglorjuż, jekk dejjem spiċċat, għax il-Ministru Chris Cardona baqa’ mhux jeskludi li l-kuntratt tagħha seta’ ġġedded.

Sai Mizzi nħatret bħala Mibgħuta Speċjali fiċ-Ċina f’Awwissu 2013, b’paga u perkaċċi li jlaħħqu €13,000 fix-xahar. B’hekk, b’kollox, Sai Mizzi daħħlet kważi €500,000 mingħajr ma kien hemm l-ebda sejħa pubblika għal din il-kariga.

L-Editorjal kompla li ftit li xejn kien hemm riżultati li jiġġustifikaw din il-paga u matul dawn it-tliet snin, il-Gvern iġġieled kull forma ta’ talba għal informazzjoni, tant li saħansitra lanqas nafu dwar l-uffiċċju minn fejn qed taħdem u n-numru tat-telefon.

L-Editorjal irrefera wkoll għal-laqgħa li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kellu ma’ Sai Mizzi fiċ-Ċina, li ddeskrivieha bħala laqgħa surreali. Il-ġurnal kompla li l-Gvern seta’ faċilment taffa l-kontroversja li kieku assigura trasparenza u wera x’riżultati kisbet Sai Mizzi.

L-Editorjal temm li bħalma qed jiġri fil-każ tal-Panama Papers, il-poplu qed jistenna spjegazzjoni u tweġiba dwar fejn marru flusu.