Internazzjonali

Il-Papa jxebbaħ il-qerda tal-ambjent mad-dnub

epa05516331 Pope Francis addresses the faithful during his weekly general audience in St. Peter's Square, Vatican City, 31 August 2016. EPA/GIORGIO ONORATI

Il-Papa Franġisku sejjaħ għal azzjoni urġenti li twaqqaf il-bidliet fil-klima, filwaqt li ppropona biex l-impenji għall-ħarsien tal-ambjent jiżdiedu mal-opri tradizzjonali tal-ħniena fost il-Kristjani.
F’messaġġ biex ifakkar l-Jum Dinji li l-Knisja ddedikat lit-Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien tal-Knisja Kattolika u li l-Papa Franġisku nnifsu kien inawgura s-sena l-oħra, il-Kap tal-Kattoliċi qal li l-akbar impatt tal-global warming qed jinħass min-nies li jaħtu lanqas – f’dan il-każ il-foqra u r-refuġjati.
Il-Papa uża l-okkażjoni biex jistimola ħafna mill-issues qawwija li hu kien enfasizza, sena ilu, fl-enċiklika ‘Laudato si’ li ħareġ dwar l-ambjent. Fl-istess ħin, l-aħħar messaġġ tal-Papa qed jidher ċert li jqajjem xi ftit tal-polemika fost il-konservattivi.
Il-Papa Franġisku fisser il-qerda tal-ambjent mill-bniedem bħala dnub waqt li akkuża lill-bniedem talli ‘biddel il-pjaneta tagħna f’sit imniġġeż bl-iskart u karatterizzat mid-deżolazzjoni’.
Hu sostna li l-global warming għadu għaddej, meta l-2015 kienet l-aktar sena sħuna kemm ilhom jinżammu r-rekords — ‘bis-sħana ta’ din is-sena x’aktarx li tissupera anki dan il-livell’. Il-fenomenu qed iwassal għal dejjem aktar sitwazzjonijiet ta’ nixfa, għargħar, nirien u xejriet tat-temp estremi u imprevedibbli.
Il-Papa sejjaħ ukoll biex il-ħarsien tal-ambjent jiżdied mas-seba’ impenji ta’ ħniena spiritwali imfasslin fl-Evanġelu u li l-fidili huma mitluba biex jirrispettaw tul is-Sena tal-Ħniena tal-Papa, sal-aħħar tal-2016.