Matul iż-żmien, il-Partit Nazzjonalista dejjem kien strument essenzjali għall-pajjiż u llum, fid-dawl tal-iskandli mill-Gvern Laburista, jeħtieġ li naħdmu biex il-poplu jirrealizza li l-pajjiż reġa’ għandu bżonn lill-Partit Nazzjonalista.
Kien dan fil-qofol tal-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta kien qed jindirizza folla numeruża li nġabret f’Ħal Balzan għall-ewwel minn sensiela ta’ attivitajiet distrettwali li qed ikunu organizzati bi tħejjijja għall-Festi tal-Indipendenza.
Din is-sena, il-Festi tal-Indipendenza għandhom it-tema “Nirnexxu Lkoll Flimkien”. F’din l-attività pparteċipaw il-Kumitati Sezzjonali tal-Partit mill-ewwel, it-tmien u l-ħdax-il distrett.
Is-serata nfetħet mill-President tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Balzan Stephen Gatt, li fakkar li din kienet it-tielet sena li fil-lokalità kienet qed tittella’ attività simili biex tikkommemora l-ġrajja tal-Indipendenza.
Lejn tmiem is-serata, ingħataw tifkiriet lil numru ta’ persuni li ħadmu b’impenn kbir għall-Partit fuq livell lokali. L-għotjiet ta’ rikonoxximent kienu ppreżentati mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Wara, segwa riċeviment għat-tesserati preżenti.
Għall-attività attendew ukoll il-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista, is-Segretarju Ġenerali u diversi Deputati. Attenda wkoll il-President Emeritus Eddie Fenech Adami u l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
//= $special ?>