L-Ewwel Ministru Skoċċiż, Nicola Sturgeon, inawgurat stħarriġ ewlieni ġdid għall-indipendenza, fejn qalet li l-vot għall-Brexit, f’Ġunju li għadda, bidel il-kundizzjonijiet preċedenti ta’ meta l-Iskozja, fl-2014, ivvutat kontra s-separazzjoni mir-Renju Unit.
Sturgeon, issa, sostniet li ‘l-Brexit qajjem mill-ġdid il-kwistjoni ta’ Skozja indipendenti, b’din is-sitwazzjoni tippermetti biex l-Iskoċċiżi jieħdu kontroll tad-destin tagħhom’.
Hi qalet dan waqt diskors lid-deputati tal-Partit Nazzjonali Skoċċiż immexxi minnha u li hu favur li l-Iskozja ma tiffurmax aktar parti mir-Renju Unit.
Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ ġdid għandhom joħorġu fit-30 ta’ Novembru li jaħbat Jum San Andrija – li hu ddedikat lill-qaddis padrun tal-Iskozja.
Intant, l-Iskoċċiżi għad għandhom id-diżgwid notevoli dwar il-kwistjoni, bi stħarriġ ġdid ippubblikat mill-YouGov isib li 54 fil-mija huma kontra l-indipendenza, b’46 fil-mija jiffavorixxu dan il-pass.
Impenn ġdid għall-indipendenza tal-Iskozja
