Lokali

Jibdew il-programmi ta’ diskussjoni mil-lokalitajiet differenti

Ilbieraħ filgħaxija, il-Partit Nazzjonalista beda jorganizza sensiela ta’ programmi fuq dan l-istazzjon, fejn Deputati u Kandidati qed jieħdu sehem f’diskussjoni mtella’ kuljum f’lokalitajiet differenti.

Dawn il-programmi fuq Radio 101 se jibqgħu jittellgħu sas-16 ta’ xahar, lejliet il-bidu tal-attivitajiet li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza fuq il-Fosos tal-Furjana.

B’dan il-mod, il-Partit Nazzjonalista se jfakkar it-52 anniversarju minn meta Malta kisbet l-Indipendenza. Dawn l-attivitajiet se jittellgħu bejn is-Sibt 17 u t-Tlieta 20 ta’ Settembru.

Sadanittant, il-programmi speċjali fuq Radio 101 qed ikunu ppreżentati minn Trevor De Giorgio u Claire Mifsud, bejn is-6.30pm u t-8pm, bit-tema “Nirnexxu Lkoll Flimkien”.

Waqt intervista l-Ħadd li għadda fuq Radio 101, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil spjega kif dawn it-tliet kelmiet jesprimu l-bażi ta’ dak li jirrapreżenta l-Partit, jiġifieri li kulħadd jirnexxi u li jgħin lin-nies jirnexxu, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn.

Bi preparazzjoni għall-Festi tal-Indipendenza, il-Partit Nazzjonalista nieda wkoll Paġna ġdida fuq Facebook – IndipendenzaMalta – fejn qed tingħata l-informazzjoni dwar l-attivitajiet organizzati matul ix-xahar ta’ Settembru.