Ambjent Lokali

Ksur sfaċċat ta’ trasparenza

Erba’ għaqdiet ambjentali ppreżentaw Protest Ġudizzjarju kontra s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar Deborah Schembri, fejn talbu li l-Iskema ta’ Regolarizzazzjoni ta’ Żvilupp Illegali tiġi sospiża.

L-għaqdiet, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth (Malta) u Ramblers Association, qalu li diġà kien hemm 43 applikazzjoni għal regolarizzazzjoni fl-ewwel ġimgħa minn meta l-iskema daħlet fis-seħħ. Dan mingħajr l-ebda mezz kif il-pubbliku jkollu aċċess għal informazzjoni.

Huma qalu li b’differenza għal amnestiji preċedenti, b’din l-iskema hu possibbli li tirregolarizza illegalitajiet f’żoni ta’ konservazzjoni urbana u irregolaritajiet fuq bini skedat. Barra minhekk, ir-regolamenti ma jpoġġu l-ebda obbligu fuq l-Awtorità tal-Ippjanar biex tinnotifika dwar applikazzjonijiet li tkun irċeviet.

L-għaqdiet qalu li dan hu ksur sfaċċat ta’ trasparenza, fejn terzi persuni ma jingħatawx l-opportunità joġġezzjonaw għal din ir-regolarizzazzjoni. L-applikazzjonijiet jintbagħtu b’mod elettroniku mill-Perit tal-applikant direttament lill-Awtorità tal-Ippjanar, bis-sistema ġiet iddisinjata biex tfixkel l-iskrutinju pubbliku.

Huma sejħu biex l-Awtorità tal-Ippjanar ma tkomplix tipproċessa dawn l-applikazzjonijiet sakemm id-dokumenti relevanti jkunu saru pubbliċi.

Il-Protest Ġudizzjarju kien iffirmat mill-Avukat Claire Bonello.