Lokali

“Mill-Ħamrun għal Amatrice” – attività bl-iskop li jinġabru flus għal dawk milquta fl-Italja mit-terremot

“Mill-Ħamrun għal Amatrice” hi t-tema tal-attività li se tkun organizzata għada filgħaxija fil-Ħamrun.

L-attività se ssir bl-iskop li jinġabru flus għal dawk milquta fl-Italja mit-terremot tal-ġimgħa li għaddiet, li ħalla kważi 300 persuna mejta u eluf oħra mingħajr dar.

Is-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut irringrazzja lill-Minority Leader Antonello Cuschieri u lill-Kunsilliera Louise Tedesco u Efrem Buttigieg li ħarġu bl-idea tal-attività. Huma saħqu li s-sabiħ ta’ din l-attività hu li l-komunità Ħamruniża taħseb f’dawk li huma fil-bżonn.

Press Confence Hamrun 6

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet, li matulha tħabbru d-dettalji tal-attività, kien hemm ukoll rappreżentanta mis-sit elettroniku “Italiani a Malta.com”, li appellat lit-Taljani li jgħixu f’Malta biex jagħtu l-kontribut tagħhom ukoll billi jattendu għal din l-attività.

Kull min jattendi, se jintalab donazzjoni ta’ 10 ewro, filwaqt li jgawdi minn għaġin all’Amatricana, li oriġina minn Amatrice … l-aktar belt milquta mit-terremot.