Lokali

L-iskandlu tal-Visas Mediċi: Il-Whistleblower intimidat ‘intimidat’ mill-Pulizija

F’post imtella’ fuq Facebook, minn Ivan Grech Mintoff,  qed jiġi allegat li l-Whistleblower fil-każ tal-iskandlu tal-Visas Mediċi, safa intimidat minn tliet pulizija. Intqal li fost l-akkużi li bdew isemmu dawn it-tliet pulizija hemm dik li Ben Nasan qed jipprova jwaqqa’ l-Gvern u ntalab biex jgħaddi lilhom filmati u evidenza oħra fil-każ tal-Visas Mediċi.

Ivan Grech Mintoff spjega li l-Pulizija issa taf li hemm filmati li jistgħu ikunu ta’ evidenza f’dan il-każ kif ukoll li minflok ma l-Pulizija qed toffri protezzjoni lil Ben Nasan, li hu dritt tiegħu, qed tipprova tintimidah bl-iskop li titteħidlu l-evidenza li għandu dan l-akkużat.

Ivan Grech Mintoff saħaq li Ben Nasan, qiegħed Malta legalment u għandu kull trid jibqa’ hawn. Jekk dan jiġi deportat lura lejn il-Libja, minbarra li jkun qed jinkiser dritt tiegħu, ikun qed jitpoġġa wkoll fil-periklu.

Ben Nasan fl-aħħar jiem spiċċa wkoll vittma ta’ theddida fuq ħajjet uliedu, fejn kien hemm min heddu li jekk jikxef aktar evidenza jista’ jinsa lill-uliedu.

Qabel dan kollu kien rappurtat ukoll li wara li l-Pulizija qalet li ma hemmx każ fil-konfront ta’ Neville Gafa, il-persuna li dwaru hemm diversi allegazzjonijiet, kien hemm il-possibiltà li jibdew proċeduri fil-konfront ta’ l-istess Ben Nasan.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li fid-dawl ta’ diversi rapporti li l-persuna li għandha d-dettalji kollha tal-iskandlu tal-visas mediċi lill-Libjani qed jiġi mhedded u ppersegwitat mill-Pulizija, l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li din il-persuna tingħata l-protezzjoni kollha neċessarja.

Il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami u s-Shadow Minister Jason Azzopardi qal li d-dettalji li għandha din il-persuna huma kruċjali biex il-Pulizija tkun f’pożizzjoni li tinvestiga fid-dettall dan l-iskandlu li fih huma nvoluti uffiċjali għolja fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja. Il-fatti ppubblikati huma wkoll diġà evidenza biżżejjed biex l-investigazzjoni tal-Pulizija twassal għal akkużi serji.

Il-kelliema saħqu li quddiem dawn ir-rapporti, l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali għandhom, b’mod immedjat, jieħdu kull pass neċessarju, biex jagħtu l-protezzjoni lill-persuna li qed jagħti d-dettalji ta’ dan l-iskandlu, u fl-istess ħin jinvestigaw lil min allegatament kien involut f’din il-korruzzjoni.

It-theddid u intimidazzjoni lill-persuna li għandha d-dettalji ta’ dan l-iskandlu huma atti faxxisti li huma kkundannabbli. Is-serjetà titlob li anke min qed jagħmel dawn l-atti, jwieġeb ta’ għemilu quddiem il-ġustizzja ta’ pajjiżna.