Fadlilna 18-il xahar biex naħdmu ħalli nnaddfu lil dan il-pajjiż li sfortunatament hu maħkum minn Gvern mifni minn skandlu wara l-ieħor.
Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa f’San Pawl il-Baħar, hekk kif il-Partit Nazzjonalista kompla bl-attivitajiet tiegħu bi tħejjija għall-festi tal-Indipendenza li se jsiru fuq il-Fosos tal-Furjana bejn is-17 u l-20 ta’ Settembru.
“Jien stess, waqt laqgħa tas-sigurtà li għaliha jattendi anke l-Prim Ministru, tkellimt dwar l-iskandlu tal-Visas mediċi lil-Libjani u t-taħwid ta’ ħruġ ta’ Visas u permessi ta’ residenza” qal Simon Busuttil. Kompla li dakinhar serrħulu rasu li ma kellix għalfejn jinkwieta, imma għaddiet sena u ma sar xejn. Sakemm issa nkixfu, u ħareġ biċ-ċar li l-qasba ma kinitx qed iċċaqċaq għalxejn għaliex l-allegazzjonijiet huma msaħħa bil-provi . Minkejja dan il-Prim Ministru qal li ma kien jaf xejn, avolja kien prezenti għall-istess laqgħa tas-sigurta’ fejn il-Kap tal-Oppozizzjoni kien semma l-allegazzjonijiet.
“Il-Prim Ministru anke hawn gideb,” qal Simon Busuttil, li mill-ġdid staqsa lill-Prim Ministru x’għamel f’din is-sena, għaliex ħalla persuna jaħdem għal sena sħiħa fost dawn l-allegazzjonijiet ta’ tixħim u fuq kollox kemm verament għaddew flus f’dan l-iskandlu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ma jistax jifhem għaliex il-whistleblower li kixef dan il-każ u pprovda provi, għadu ma ngħatax protezzjoni, anzi safa mhedded bit-tfal u mwissi biex jagħlaq ħalqu. “Lil min irridu niddefendu, lil min hu korrott jew lil min irid jikxef il-korruzzjoni?” staqsa Simon Busuttil.
Simon Busuttil fakkar li Neville Gafa hu wieħed mill-persuni li ntagħżlu sempliċiment fuq fiduċja, imma issa sirna nafu li anke l-Prim Ministru, avżat iżjed minn sena sħiħa, baqa’ ma ħax azzjoni.
Għadda għalhekk messaġġ ta’ tama għall-akkwist ta’ indipendenza, indipendenza minn ħames snin oħra ta’ korruzzjoni u ħmieġ li rajna fl-aħħar ftit snin ta’ Gvern Laburista. Matul il-laqgħa saru wkoll numru ta’ interventi, fejn intqal li l-indipendenza għadha attwali llum il-ġurnata għax għal kull wieħed minnha tfisser xi ħaġa differenti. Indipendenti minn kull ħaġa li hi ħażina, biex b’hekk inkunu nistgħu mmexxu bl-aħjar mod possibbli. Illum għandna bżonn indipendenza mill-korruzzjoni, minn krizi ta’ skandli.
Il-Partit Nazzjonalista jrid lil kulħadd jirnexxi. Sfortunatament ħafna huma bla opportunità li jirnexxu, għax m’għandhomx flus kbar biex jixtru ċittadinanza, jew mhux fortunati biżżejjed li jieħdu somom esaġerati għal xi CafePremier fallut, jew biex il-Gvern jixtri xi biċċa minn dar bħal fil-każ ta’ Strada Zekka.
//= $special ?>