Matul il-lejl bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, għall-ħabta tan-12.30am, il-gżira Għawdxija spiċċat kollha kemm hi bla dawl. Dan wassal mhux biss għall-problemi fiz-zoni turistiċi tal-Gżira, imma nħolqot ukoll problema kbira għall-isptar Ġenerali.
Sorsi fi ħdan l-isptar Ġenerali t’Għawdex spjegawlna li hekk kif mar id-dawl, l-isptar għamel xejn inqas minn ħmistax-il minuta mingħajr dawl. Dan minħabba li l-generator ma qalibx b’mod awtomatiku. Dan in-nuqqas gravi wassal biex pazjenti li huma dipendenti mill-magni tpoġġew f’riskju bla bżonn.
Is-sorsi tagħna staqsew min se jieħu r-responsabbiltà għal dan l-att li seta’ poġġa riskju kbir fuq il-pazjenti fl-isptar t’Għawdex.
Din il-problema fil-mod kif qed ikun amministrat l-isptar Ġenerali t’Għawdex tirrifletti wkoll fin-nuqqas ta’ Wheelchairs għall-pazjenti. F’dan ir-rigward hemm problema. Il-Gvern jidher li qed jistenna lill-kuntrattur il-ġdid sabiex jixtri dawn il-wheelchairs, min-naħa l-oħra l-kuntrattur qed isostni li din hi responsabiltà tal-Gvern. Imma sakemm għaddej dan il-battibekk il-pazjent qiegħed ikompli ibagħti.
//= $special ?>