Edukazzjoni Lokali

Tħassib fost l-istudenti tal-fiżjoterapija fl-Universita’ ta’ Malta

Il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) u l-Malta Students Health Associaion (MHSA), flimkien stqarru li jinsabu inkwetati ferm bil-problema li studenti tal-fiżjoterapija qegħdin jaffaċċjaw. Dan jirriżulta minn azzjonijiet industrijali meħuda mill-fiżjoterapisti kontra l-Gvern.

L-istudenti tal-fiżjoterapija qegħdin jilmentaw, li minħabba dawn l-azzjonijiet industrijali, huma mhumiex qegħdin jiġu mħarrġa waqt l-istudji tagħhom u għaldaqstant mhumiex jirċievu l-prattika neċessarja li tifforma parti mill-kors fl-Universita’ ta’ Malta.

Il-KSU u l-MHSA stqarru li din il-problema saret waħda ta’ natura urġenti, hekk kif issa hemm is-sessjoni tal-eżamijiet ta’ Settembru u suġġett partikolari li jirrikjedi l-prattika għall-istudenti tal-fiżjoterapija, is-suġett ‘Evidence-based Patient Management’ bħalissa jinsab pospost indefinittivament.

Minħabba li dan is-suġġett issa ġie pospost, jista’ jkun li l-istudenti li jinsabu fl-aħħar sena tal-istudji tagħhom fil-fiżjoterapija mhux se jkunu jistgħu jigradwaw f’Novembru flimkien mal-kumplament tal-istudenti u jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Iżda dan il-posponiment mhux biss se jkollu effett fuq l-istudenti ta’ din is-sena biss, imma anke fuq studenti tal-fiżjoterapija tas-snin ta’ wara, li wkoll jirrikjedu ammont sostanzjali ta’ sigħat jippratikkaw u jkollhom l-esperjenza fuq il-post tax-xogħol

Il-KSU u l-MĦSA qalu li n-nuqqas ta’ esperjenza waqt l-istudji fl-Universita’ fil-kors tal-fiżjoterapija se tħalli impatt negattiv kbir fuq il-kwalita’ tal-edukazzjoni.

Il-Kunsill u l-għaqda studenteska appellaw lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u lill-UĦM Voice of the Workers biex isibu t-triq tan-nofs u jwaqqfu immedjatament dawn l-azzjonijiet industrijali. “Jekk din is-sitwazzjoni tibqa’ tippersisti, din se tħalli effetti kbar fuq l-edukazzjoni tal-istudenti” – temmu jgħid l-KSU u l-MHSA.