Jibdew l-attivitajiet f’Għawdex marbuta mal-festi tal-Indipendenza
Il-viżjoni għal Għawdex għandha tkun mibnija fuq l-aċċessibilta’, ir-reġjonalita’ u l-iżvilupp sostenibbli. Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta kien jagħlaq l-ewwel attivita’ f’Għawdex marbuta mal-attivitajiet tal-festi tal-Indipendenza ta’ din is-sena.
Simon Busuttil qal li l-kwistjoni tal-aċċessibilta’ ma tinkludix biss il-bini ta’ link permanenti bejn Malta u Għawdex, iżda viżjoni aktar wiegħsa li tgħaqqad lill-gżira Għawdxija mal-bqija tal-pajjiż. Mina bejn Malta u Għawdex tneħħi l-barriera fiżika li teżisti bejn iż-żewġ gżejjer, u terġa’ tagħti l-ħajja lill-popolazzjoni Għawdxija, sostna Simon Busuttil. Żied li l-mina hija biss parti minn viżjoni ambizzjuza u aktar wiegħsa ta’ infrastruttura nazzjonali li tagħti l-ħajja lil Għawdex.
Madanakollu, il-fatt li tiżdied l-aċċessibilta’ lejn Għawdex m’għandux iwassal biex tonqos ir-reġjonalita’ ta’ Għawdex, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jgħid li għandna nkunu kburin li Għawdex għandha l-identita’ tagħha, liema identita’ għandha tissaħħaħ. Żied li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern għandu jistudja l-introduzzjoni ta’ Kunsill Reġjonali għal Għawdex biex isaħħaħ l-identita’ Għawdxija.
Simon Busuttil żied li t-tielet pilastru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex għandha tkun mibnija fuq l-iżvilupp sostenibbli. Filwaqt li fakkar li l-Partit Nazzjonalista hu ambizzjuż u favur l-avvanzi fil-pajjiż, dan għandu jsir f’kuntest ta’ żvilupp sostenibbli.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li t-tema tal-festi tal-Indipendenza ta’ din is-sena, “nirnexxu lkoll flimkien”, tfisser impenn mill-Partit Nazzjonalista biex jagħmel aħjar. “Aħna nistgħu nagħmlu aħjar,” sostna Simon Busuttil. Spjega li l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li jmiss se jsir f’Għawdex u se jkollu t-tir li jservi bħala pjattaforma għal konsultazzjoni dwar il-politika tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex, ibbażata fuq l-aċċessibilta’, ir-reġjonalita’ u l-iżvilupp sostenibbli.
Simon Busuttil kien qed jitkellem fi tmiem seminar ta’ nofstanhar organizzat mill-Kumitat Reġjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex. Matul is-seminar kienet diskussa t-triq ‘il quddiem għal Għawdex f’numru ta’ oqsma, fosthom ix-xogħol f’Għawdex; it-turiżmu u l-agrikoltura; l-edukazzjoni; iż-żgħażagħ u l-isports; it-trasport u l-aċċessibilta’; u s-saħħa u l-anzjani.
//= $special ?>