Internazzjonali

Elezzjonijiet kruċjali f’Hong Kong

 

Ir-residenti ta’ Hong Kong ivvutaw fl-ewwel elezzjonijiet ewlenin fit-territorju mindu seħħew il-protesti favur id-demokrazija tal-2014, fl-istess inħawi.

Hong Kong, illum, igawdi l-istatus ta’ territorju awtonomu, magħruf bħala Reġjun Amministrattiv Speċjali taċ-Ċina. Dan meta l-partiti ewlenin ta’ Hong Kong għandhom fehmiet differenti dwar ir-relazzjoni tat-territorju mal-Gvern komunista f’Beijing.

Il-votanti f’Hong Kong ivvutaw biex  jagħżlu 35 deputat skont il-kostitwenzi ġeografiċi, minbarra 35 rappreżentat ta’ entitajiet kummerċjali speċifiċi.

Il-belt ta’ Hong Kong għandha demokrazija parzjali u mhux kulħadd jista’ jivvota għas-siġġijiet. Dan meta 30 siġġu se jkunu deċiżi minn sitta fil-mija biss tal-popolazzjoni.

Fl-istess ħin, il-vot tallum  ma kellux jeleġġi lill-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong li jmexxi l-Gvern ta’ dan it-territorju. Iżda ħafna analisti jemmnu r-riżultat tal-vot , f’Hong Kong, jista’ jaffettwa d-deċiżjoni taċ-Ċina rigward tieni mandat ta’ poter lill-Mexxej attwali ta’ Hong Kong, CY Leung.

It-tliet gruppi ewlenin li qed jikkompetu għas-siġġijiet huma l-partiti favur iċ-Ċina, li jinkludu partiti li jappoġġjaw il-kummerċ; il-partiti tradizzjonali pro-demokratiċi ( pan-demokratiċi) u l-elementi lokali li jridu d-demokrazija iżda, fl-istess ħin, jemmnu li għandu jkun hemm ‘konfrontazzjoni akbar’ mal-Gvern. Is-siġġijiet li jintrebħu f’din l-elezzjoni huma għall-Kunsill Leġislattiv li jgħaddi l-liġijiet u l-baġit ta’ Hong Kong.