Internazzjonali

Il-G20 fiċ-Ċina: Xi Jinping iwissi kontra l-‘kliem fieragħ’

 

Il-President Xi Jingping taċ-Ċina ħeġġeġ lill-Mexxejja tal-akbar għoxrin ekonomija tad-dinja biex jevitaw il-kliem fieragħ waqt li jfittxu l-mezzi li jħaffu l-iżvilupp ekonomiku.

Il-Mexxejja tad-Dinjija bħalissa qegħdin jattendu s-summit ekonomiku tal-G20 li qed ikun organizzat fiċ-Ċina għall-ewwel darba u fejn il-belt ta’ Hangzhou qed iservi bħala s-sede għat-taħditiet. Hawnhekk, il-President Jinping wissa li l-ekonomija tad-dinja, minkejja li irpiljat, qed tiffaċċja l-isfidi kbar fis-setturi tal-finanzi u l-kummerċ.

L-aġenda tat-taħditiet għall-G20 tinkludi, fost oħrajn, il-kriżi globali fl-industrija tal-azzar, it-taħditiet tar-Renju Unit dwar il-ħruġ mill-Unjoni Ewropea fil-proċess tal-Brexit u t-tassazzjoni tal-intrapriżi multinazzjonali fosthom il-kumpannija Apple. Il-President Xi Jingping qal ukoll li waqt li l-ekonomija tad-dinja qed tikkonfronta l-isfidi, il-komunità internazzjonali tistenni li s-summit tal-G20 jipproduċi r-riżultati konkreti.

Intant, qabel is-summit tal-G20, il-Fond Monetarju Internazzjonali wissa dwar il-probabbiltà li, din is-sena, inaqqas mill-ġdid it-tbassir dwar ir-rata tal-iżvilupp ekonomiku fuq livell globali. Dan meta l-Fond kien naqqas diġà il-pronostiku globali wara l-vot għall-Brexit.

Is-summit tal-G20 hu anki l-aħħar wieħed għall-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, minbarra l-ewwel wieħed għall-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May.