Internazzjonali

IL-LIBJA: Qawwiet tal-Gvern għall-Għaqda qrib li jieħdu lura Sirte

Il-qawwiet leali għall-Gvern Libjan għall-Għaqda huma fiduċjużi li jieħdu lura l-kontroll sħiħ ta’ Sirte ‘fi kwistjoni ta’ ġranet’. Dan meta l-belt ewlenija qrib il-kosta ilha ‘il fuq minn sena amministrata mit-terroristi tal-ISIS.

Intant, kompliet l-offensiva fuq Sirte mill-qawwiet tal-Gvern Libjan, bil-ġellieda tal-ISIS ikomplu bid-difiża ddisprata fil-ftit inħawi li huma għadhom jikkontrollaw.

Skont l-aħħar rapporti, il-qawwiet tal-Gvern Libjan għall-Għaqda, li huma appoġġjati min-Nazzjonijiet Uniti, wettqu aktar kisbiet militari fiz-zona wara xi jiem ta’ kalma relattiva. Kelliema għal dawn il-qawwiet, sadanittant, sostnew li l-ISIS xorta qed jirreżistu mill-aħjar li jistgħu ‘fl-aħħar distretti tal-belt li ma kellhomx jabbandunaw’.

Il-qawwiet tal-Gvern Libjan inkwistjoni setgħu javvanzaw u jaħtfu aktar artijiet f’Sirte grazzi għall-appoġġ tal-qawwiet tal-ajru tal-Istati Uniti. Dan meta l-belt ta’ Sirte, sa ftit ilu, serviet bħala l-fortizza ewlenija tal-ISIS fir-reġjun tal-Afrika ta’ Fuq.

Kelliema għall-Gvern qalu li l-qawwiet tagħhom f’Sirte irnexxielhom jaħtfu lura l-kontroll ta’ ‘aktar bini’ fost il-battalji li kienu għaddejjin minn zona għall-oħra tal-belt.

Iżda dak li fadal mill-ġellieda tal-ISIS komplew bir-reżistenza fanatika, fejn użaw is-snipers u l-karozzi bomba bħala l-aħħar linja ta’ difiża. It-terroristi anki żergħu numru kbir ta’ mines u splussivi oħra bħala deterrent għall-qawwiet li qegħdin jassedjawhom minn kull naħa.

Mietu  talanqas għaxar ġellieda favur il-Gvern Libjan għall-Għaqda mindu rrankat l-aħħar offensiva fuq l-ISIS f’Sirte.