Lokali

“Issa tidher rabta ċara bejn Kastilja u l-kriminalita” – Simon Busuttil

“B’dak li ġie żvelat illum fil-ġurnali, issa tidher rabta ċara bejn Kastilja u l-kriminalita’ u l-awtoritajiet, flok jipproteġu whistleblower, qegħdin jhedduh” – sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’intervista fuq Radio 101 hekk kif il-ġurnal The Malta Independent on Sunday żvela li l-whistleblower li kixef l-iskandlu tal-Visas mediċi, għal darb’oħra safa’ mhedded.

Hu talab lill-Prim Ministru, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali iħabbru li dan ir-raġel jingħata protezzjoni u jżommhom personalment responsabbli jekk hu, jew il-familja tiegħu, jiġrilhom xi ħaġa.

Simon Busuttil qal li biex jixxaħħmu, nies qrib Kastilja qed jarmu s-sigurta’ tagħna. Il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali m’hu qed jgħidu u jagħmlu xejn u sa dalgħodu stess, il-Prim Ministru Joseph Muscat injorahom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-Air Malta u qal li l-ħaddiema jħossuhom traduti mill-Partit Laburista li għamel kampanja ta’ tixwix kontra l-Gvern Nazzjonalista qabel l-elezzjoni li kien se jbiegħ l-Air Malta lill-barranin, biex issa hu qed jagħmel l-istess ħaġa li biha, xewwex in-nies kontra ħaddieħor.

Hu saħaq dwar l-importanza li l-Air Malta tibqa’ taħt kontroll Malti. Simon Busuttil sostna li hemm triq oħra barra dik li tinbiegħ lill-barranin.

Hu qal li fil-jiem li ġejjin, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech se jippreżenta d-dettalji tal-proposta alternattiva tal-Partit Nazzjonalista li tiftaħ l-Air Malta għall-investiment privat lokali.

Dwar it-tema Nirnexxu lkoll Flimkien, magħżula mill-Partit Nazzjonalista għall-festi tal-Indipendenza ta’ din is-sena, Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun alternattiva u mhux the lesser of two evils.

It-tema nirnexxu lkoll flimkien tfisser il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista favur pajjiż li jrid jirnexxi, għal kulħadd minflok il-ftit li qed jiffangaw u l-bqija li qed jaqgħu lura u flimkien bħala nazzjon wieħed.

L-Attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista sabiex titfakkar l-Indipendenza diġa’ bdew u se jilħqu l-qofol bil-Mass Meeting fuq il-Fosos tal-Furjana fl-20 ta’ Settembru.

Simon Busuttil qal li l-Indipendenza ta’ din is-sena se tkun tfisser il-bidu ta’ rankatura li għandha twassal lill-Partit Nazzjonalista jkun lesta għall-elezzjoni ġenerali li għandha ssir sa massimu ta’ sena u nofs oħra.