Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li l-gvern tiegħu hu Gvern li jieħu azzjoni meta jkun hemm xi problemi fil-pajjiż. Hu qal dan waqt li kien qed jitkellem fuq One Radio.
Iżda ironikament dawn il-kliem intqal mill-istess Prim Ministru li iżjed minn sena ilu kien preżenti għal laqgħa tas-sigurtà nazzjonali fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil semma t-tħassib tiegħu dwar l-allegazzjonijiet fuq il-ħruġ ta’ visas mediċi.
Dakinhar, Simon Busuttil kien talab li tittieħed azzjoni u jkunu verifikati jew miċħuda dawn l-alelgazzjonijiet. Madankollu, sa iżjed minn sena wara, baqa’ ma sar xejn u investigazzjoni nfetħet biss wara li whistleblower kixef kollox.
L-istess whistleblower issa kellu jressaq rapport għal theddid li sar fil-konfront tat-tfal tiegħu, sempliċiment għaliex kien qed jipprovdi l-provi tal-allegazzjonijiet li għamel.
Iktar kmieni din il-ġimgħa Joseph Muscat naqas mill jwieġeb meta sar jaf b’dawn l-allegazzjonijiet, u saħansitra ħarab milli jwieġeb fuq jekk qattx iltaqa’ mal-whistleblower.
L-allegazzjonijiet dwar tixħim u korruzzjoni fil-ħruġ ta’ Visas mediċi qed isiru fil-konfront ta’ Neville Gafa, bniedem tal-fiduċja li kien impjegat mal-Ministeru tas-Saħħa. Meta aħrġu l-allegazzjonijiet, fost l-oħrajn li Gafa rċieva eluf kbar ta’ ewro biex joħroġ il-visas mediċi, dan sempliċiment ġie trasferit minflok ittieħdet azzjoni vera fil-konfront tiegħu.
Minkejja l-provi, u saħansitra kopji ta’ chats li għaddew bejn il-whistleblower u Neville Gafa, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija ma sabu xejn irregolari. Sal-bieraħ stess, Ivan Grech Mintoff saħansitra żvela li l-whistleblower allegatament kien intimidat minn tliet uffiċjali tal-Pulizija biex jgħaddi xi filmati li għandu u li huma prova oħra tal-akkużi li qed jagħmel.
//= $special ?>