Madre Tereża, is-soru li serqet qalb kulħadd bix-xogħol fejjiedi tagħha mal-foqra u l-morda tal-Indja, dalgħodu kienet iddikjarata qaddisa mill-Papa Franġisku waqt ċerimonja fi-Belt tal-Vatikan.
Il-Kap tal-Kattoliċi qal li Madre Tereża, rebbieħa tan-Nobel għall-Paċi, li mietet fil-belt Indjana ta’ Kalkutta, fil-5 ta’ Settembru tal-1997, iddefendiet lill-morda, lill-abbandunati u membri vulnerabbli oħrajn tas-soċjetà — ‘bil-ħidma tagħha tmiss il-kuxjenza tal-mexxejja tad-dinja minħabba r-reati tal-faqar li ħolqu huma stess’.
Għexieren ta’ eluf ta’ devoti attendew iċ-ċerimonja għall-kanonizzazzjoni tas-soru fi Pjazza San Pietru. Intant, Madre Tereża saret qaddisa grazzi għal żewġ każi fejn persuni morda serjament għamlu fejqan mirakuluż (wara l-mewt tas-soru) u fejn, kull darba, il-fejqan kien attribwit għat-talb li kien sarilha.
Fl-Indja, il-Missjunarji tal-Karità – l-Ordni ta’ fejda li waqqfet hi stess – f’Kalkutta, organizzat quddiesa speċjali għal waqt il-kanonizzazzjoni f’Ruma.
Waqt iċ-ċerimonja, fil-Belt tal-Vatikan, il-Kardinal Angelo Amato qara biografija tal-ħidma ta’ Madre Tereża qabel talab lill-Papa biex jikkanonizzaha f’isem il-Knisja.
Il-Papa Franġisku, imbagħad, wieġeb li ‘il-Knisja tiddikjara u tiddefinixxi lill-Imbierka Tereża ta’ Kalkutta bħala qaddisa, waqt li tesiġi biex hi tkun venerata bħala qaddisa mid-devoti kollha’. Dan waqt li hu radd ġieh lil Madre Tereża ‘li, filwaqt li stinkat biex tagħti dinjità xierqa lill-imwarrbin tas-soċjetà, serviet ukoll bħala vuċi għall-fqir u l-vulnerabbli quddiem il-potenzi tad-dinja’.
Fl-omelija tiegħu, fejn tkellem dwar il-ħidma ta’ Madre Tereża, il-Papa sostna li din is-soru ‘xelgħet dawl fuq in-nies li kienu qed jgħixu fid-dlam u li ma felħux jibku aktar għat-tbatija li għaddew minnu’. Dan meta l-ħajja tas-soru rriflettiet it-tip ta’ Knisja li l-Papa jixtieq jibni…Knisja li turi l-ħniena ma’ kulħadd, flimkien ma’ għajnuna prattika lil kulmin hu fil-bżonn.
Minkejja s-sħana kbira fi Pjazza San Pietru, spikkat l-atmosfera ta’ briju u ferħ fost l-eluf tad-devoti li ċċelebraw il-ħajja ta’ din il-mara straordinarja. Madre Tereża twieldet bħala Albaniża-etnika u l-bandiera tal-Albanija kienet prominenti f’diversi kwartieri tal-pjazza. Mijiet ta’ sorijiet tal-Missjunarji tal-Karità ukoll kienu preżenti għall-kanonizzazzjoni, l-istess bħal diversi mexxejja tal-Istati u l-Gvernijiet tad-dinja.
Madwar 1,500 persuna mingħajr akkommodazzjoni fissa twasslu għaċ-ċerimonja bil-mezzi tat-trasport pubbliku, fejn ingħataw postijiet ta’ unur għal waqt iċ-ċelebrazzjoni. Huma, imbagħad, kienu servuti l-pizza mingħand xi 250 sorijiet u qaddisin tal-Ordni ta’ Madre Tereża li llum qed tmexxi 19 il-Dar ta’ Fejda.
Il-kanonizzazzjoni ta’ Madre Tereża, li kienet iddikjarata beata fl-2003 (bħala l-ewwel pass lejn qdusija) hi element importanti tas-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena tal-Papa Franġisku. Filwaqt li, is-soltu, jgħaddu l-għexieren tas-snin sakemm in-nies li għexu ħajja eżemplari jilħqu stat ta’ qdusija, il-beatifikazzjoni ta’ Madre Tereża għaddiet minn proċess mgħaġġel grazzi għall-intervent u l-interess tal-mibki Papa Ġwanni Pawlu II.
//= $special ?>