Internazzjonali

Disfatta għall-partit ta’ Merkel f’elezzjoni Statali

Il-Partit CDU tal-Kanċillier Angela Merkel spiċċa t-tielet l-akbar partit fl-Istat Ġermaniż ta’ Mecklenburg u Pomeranja tal-Punent. Dan wara li tilef l-elezzjoni Statali fil-konfront tal-SPD u partit anti-Iżlamiku li jħaddan politika kontra l-immigranti.

Dawn, intant, huma l-indikazzjonijiet tal-ewwel exit polls, meta l-vot partikulari fil-Ġermanja dejjem kellu jkun eżami diffiċli għall-politika rigward l-immigranti u r-refuġjati li qed tmexxi l-Kanċillier Merkel.

Il-moviment anti-Iżlamiku Alternative fuer Deutschland (AfD) rebaħ 21 fil-mija tal-vot u kien jinsab it-tieni wara l-Partit SPD, taċ-ċentru-xellug li kiseb 30 fil-mija tal-appoġġ fl-Istat.  Il-Partit CDU ta’ Merkel (li hi fost il-mexxejja preżenti għas-summit tal-G20 fiċ-Ċina) rebaħ biss 19 fil-mija tal-vot, li jitqies bħala indikazzjoni ‘sinifikanti’ qabel l-elezzjonijiet tal-2017 għall-Parlament Ġermaniż.

Mhux eskluż li din is-sitwazzjoni ddgħajjef lill-Kanċillier Merkel qabel l-elezzjonijiet nazzjonali  tas-sena d-dieħla.

Madankollu, l-partiti politiċi kollha tal-Ġermanja, qabel ħareġ ir-riżultat, eskludew il-possibbiltà  li huma, xi darba, jiffurmaw gvern ta’ koalizzjoni mal-AfD, li, b’hekk, ma tantx jidher se jkollu opportunità biex jiggverna fl-Istat Ġermaniż partikulari.