L-infermiera Maria Cassar u Corinne Ward, li l-ġimgħa li għaddiet ippreżentaw Protest fil-Qorti dwar allegati irregolaritajiet fl-elezzjoni għall-Kunsill tal-Infermiera u l-Qwiebel, tennew id-dispożizzjoni assoluta tagħhom li jixhdu taħt ġurament dwar dak li qed jallegaw.
Dan qaluh iż-żewġ infermiera fi stqarrija konġunta wara li s-Sibt, il-Gvern ħabbar li nħatret Inkjesta biex tinvestiga l-każ. Huma sostnew li l-punti mqajjma fil-Protest jiġu indirizzati mill-Inkjesta maħtura.
Fl-istess waqt, huma qed jappellaw biex kull xhud li se jkun mismugħ fl-Inkjesta, jintalab jixhed taħt ġurament, filwaqt li l-Ministeru tas-Saħħa jagħti żmien qasir għall-Inkjesta biex il-verità toħroġ malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-infermiera kollha.
Cassar u Ward qed jitolbu lill-Ministru tas-Saħħa biex f’dan l-istadju ma jirrikonoxxix ir-riżultat tal-elezzjoni li saret qabel ma jkun konkluż u ppublikat ix-xogħol u r-rapport finali tal-Inkjesta.
Fl-istqarrija, iż-żewġ infermiera rreferew b’mod partikolari għall-firem li suppost jagħmlu l-voti validi. Dan hekk kif l-infermiera qed jappellaw li jinħatar Espert tal-Kalligrafija, li jeżamina l-firem biex jara jekk humiex awtentiċi u tal-membri tal-Kummissjon Elettorali responsabbli minn din l-elezzjoni.
//= $special ?>