Lokali

Fi tmiem il-ġimgħa Radio 101 se jerġa’ jorganizza l-inizjattiva ta’ għoti tad-demm – Fl-okkażjoni tal-25 sena ta’ Radio 101

Fl-okkażjoni tal-25 sena ta’ xandir minn Radio 101, u b’rabta mal-Festi tal-Indipendenza, għal sena oħra se tkun organizzata l-inizjattiva ta’ għoti tad-demm fl-istudios tal-istazzjon.

Dwar din l-inizjattiva, li se tkun organizzata fi tmiem il-ġimgħa li ġej, NETnews tkellem mal-Kordinatur ta’ Radio 101 Charles Saliba, li spjega li l-iskop ta’ din l-attività hu li l-pubbliku juri solidarjetà ma’ dawk li għandhom bżonn id-demm.

Charles Saliba spjega kif dawk kollha interessati li jagħtu d-demm għandhom jirreġistraw billi jċemplu fuq in-numri 25 965 460 jew 25 965 262. Kulmin se jirreġistra se jingħata appuntament.

Charles Saliba qal li din hi attività li tagħti sodisfazzjon lil dawk li jipparteċipaw għax meta wieħed jagħti d-demm, b’ġest daqstant sempliċi, ikun qed jagħti tama għal ħajja lil dawk li għandhom bżonnu.

L-inizjattiva ta’ Għoti tad-Demm se tkun organizzata s-Sibt u l-Ħadd filgħodu fl-istudios ta’ Radio 101.